It-tim tal-istaff tal-Malta Football Association (MFA) rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena tat-tournament tradizzjonali ta’ Boxing Day.
Dan it-tournament kellu l-parteċipazzjoni tat-tim li jirrapreżenta lill-media, tim li jirrapreżenta lir-referis organizzat mill-Malta Football Referees Association, tim magħmul mill-istaff tal-Malta Football Association (MFA) u tim magħmul mill-Membri Parlamentari.
Preżenti wkoll għal parti sostanzjali mit-tournament kien hemm l-E.T. il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, illi ltaqgħet ma’ dawk preżenti u rringrazzjathom għas-somma li bħal dejjem tinġabar wara tmiem dan it-tournament. Preżenti wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Dr Clifton Grima u l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr Bernard Grech.
Ir-riżultati kollha kienu dawn:
MSJA 1-0 MP
MFRA 1-2 MFA
MSJA 1-3 MFA
MFRA 6-2 MP
MSJA 5-3 MFRA
MP 1-5 MFA
Fi tmiem it-tournament saret il-preżentazzjoni mill-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Clinton Buhagiar lil Dr. Angelo Chetcuti flimkien mal-plejers tat-tim tal-istaff tal-MFA.
L-Għaqda Ġurnalisti Sports tirringrazzja lill-parteċipanti kollha u s-somma totali miġbura hija ta’ €1,300 u li se tkun ippreżentata waqt l-Istrina.