Ħafna huma dawk fostna li speċjalment fix-xhur li jwasslu ghas-Sajf u s-Sajf innifsu, jippreferu li meta jmorru jieklu jew jieħdu xi snack f’ristorant jew ieħor, ipoġġu fuq barra. Dan speċjalment meta l-post ikollu l-faċilità ta’ veduta fuq il-baħar jew xenarju rurali. Dan jagħmel l-esperjenza aktar rilassanti u joffri sens ta’ paċi u serenità.
Dan kollu jisfuma jekk ftit ’il bogħod minnek ipoġġu mejda nies li wara ftit jibdew ipejpu. Ħafna drabi dan isir bla rispetto lejn dawk ta’ madwarhom b’ mod li ma tgħidx ħadu sigarett wieħed u waqfu, imma kull ħames minuti iqabbdu sigarett wieħed wara l-ieħor biex żgur jiksru d-devozzjoni ta’ min poġġa hemm qabilhom u jinsab f’nofs l-ikla tiegħu.
Is-sabiħa hi li jekk jinzerta fuq il-mejda tagħhom ikun hemm xi ħadd ma jpejjipx, tarahom ipoġġu jdejhom ’l isfel biex kemm jista’ jkun, lill-ħabib jew ħabiba tagħhom ma jdejquhomx. Imma qajla jinteressahom minn min kien hemm qabilhom u qed jiekol diġà. Fil-fatt, appena l-ikel tagħhom jasal, dawn jieqfu jpejpu sakemm il-mejda kollha tkun spiċċat l-ikel tagħhom.
Huwa evidenti li fil-maġġoranza ’l kbira ta’ dawn in-nies, ftit jew xejn hemm rispett lejn dawk ta’ ħdejhom. Filwaqt li kultant tara persuna li tqum u titbiegħed ftit mill-imwejjed, il-parti l-kbira tagħhom, jibqgħu fejn ikunu. Min-naħa tagħhom, is-sidien tar-ristoranti, qajla jinteressahom minn dan għax la tara sinjali biex ma tpejjipx u lanqas biex iħeġġu lil dak li jkun biex jiċċaqlaq minn postu biex ma jdejjaqx klijenti oħra.
It-tipjip passiv hu marbut ma’ problemi bħal ażżma u bronkite kronika, mard tal-qalb u pressjoni għolja, kanċer tal-pulmun u tal-gerżuma kif ukoll mard ieħor respiratorju. Immaġina mara tqila mal-familja li jkollha tqum u ma tkomplix l-ikla tagħha għax ma tiflaħx tissaporti aktar id-dħaħen fi mnifsejha, jew familja bi tfal żgħar li ma jkunux jistgħu jissaportu r-riħa li dan iġib miegħu. Gieli anki tara mwejjed fejn il-ġenituri t-tnejn ipejpu u t-tfal, iridu u ma jridux, ikollhom jibilgħu dawk id-dħaħen kollha. U hawn irid nagħmel parentisi żgħira; ma nifhimx kif għad hawn adulti, ħafna drabi ġenituri u nanniet, li jkunu f’karozza bitt-fal, bit-twieqi magħluqa u tarahom idaħħnu wieħed f’wieħed, u t-tfal ikollhom jissaportu għax m’għandhomx vuċi.
Barra dan, meta t-tipjip hu permess barra, ħafna persuni, b’mod speċjali dawk b’allergiji, problemi respiratorji jew sempliċement intolleranza għar-riħa tas-sigaretti, ikollhom jaqgħu lura fuq spazji ta’ ġewwa. Dan joħloq esklużjoni soċjali mhux intenzjonata, fejn l-ispazji ta’ barra jsiru privileġġ għal min ipejjep u mhux ambjent miftuħ għal kulħadd.
Ħafna ristoranti jużaw tined, ħitan tal-plastik jew ħġieġ biex jipproteġu lill-klijenti mit-temp, iżda dawn l-istrutturi joħolqu spazju magħluq li jaqbad id-duħħan bħal ma jagħmlu l-ħitan ta’ ġewwa. Għalkemm dawn jitqiesu “barra” skont il-liġi, fil-prattika huma ekwivalenti għal kamra magħluqa. Din hija lakuna li tgħaddi kontra l-ispirtu tal-liġi li tipprojbixxi t-tipjip ġewwa.
Nota oħra hija l-infurzar. Mhux darba u tnejn tkun f’xi bar fuq ġewwa fejn ukoll issib persuni jpejpu. Fi stanza bħal din, il-liġi diġà hija fis-seħħ u allura m’hemmx bżonn emendi legali imma li din tiġi infurzata.
Lura fl-2020, meta konna qed noħorġu ftit ftit mill-COVID, kienu iddaħħlu miżuri simili fejn persuna biex tpejjep kien ikollha tqum minn fejn hemm l-imwejjed tal-ikel (barra) u jersaq numru ta’ metri bogħod. Sidien ta’ ristoranti u nies oħra li jaħdmu fis-settur, kienu għamlu pressjoni biex dawn il-miżuri jiġu revokati la darba bdejna nirkupraw sew mill-pandemija. Bdew jgħidu li dawn il-miżuri qed itellfuhom finanzjarjament. Ovvjament, dan ma kien ibbażat fuq l-ebda studju xjentifiku. Li hemm xjentifiku żgur huwa l-ħsara li jagħmlu s-sigaretti u għaldaqstant, dan huwa l-unika studju li għandu jkun ikkunsidrat meta niġu biex nilleġiżlaw xi ħaġa simili.
Biex nikkonkludi, lil hinn mill-ħsara lis-saħħa, għal l-fatt biss tal-inklużjoni u d-dritt li wieħed igawdi esperjenza serena jekk jagħżel li jmur jiekol ‘alfresco’ bla ma jibla dħaħen, ukoll wieħed għandu jikkonsidra li jsiru l-emendi meħtieġa f’dan ir-rigward.