Il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis ma baqgħetx biss fuq il-karta, iżda baqgħet tiġi aġġornata u riformata skont l-iżvilupp taċ-ċirkostanzi u r-realtajiet. L-aħħar fost l-emendi li saru kienu jirrigwardjaw l-ilmenti tan-nies dwar l-irwejjaħ tat-tipjip tal-kannabis f’żoni residenzjali.
L-awtoritajiet taw każ dawn l-ilmenti, tant li nħoloq helpline apposta bin-numru 80002088, sabiex il-pubbliku jkollu fejn jirrikorri u jista’ jressaq l-ilmenti tiegħu. Jidher ċar li l-ħolqien tal-helpline niżel tajjeb man-nies tant li matul il-ġimgħa u nofs li ilu jopera, l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) diġà rċeviet 10 ilmenti ta’ din ix-xorta.
Ninnutaw ukoll kif fl-emendi li saru, żdiedu b’għaxar darbiet il-multi li assoċjazzjonijiet liċenzjati mill-ARUC jeħlu jekk jirriżulta li ħallew tfal minuri fil-faċilitajiet tagħhom. B’dawn l-emendi, ġie riaffermat fil-liġi wkoll li assoċjazzjonijiet liċenzjati mill-ARUC ma jistgħux ikunu f’distanza ta’ inqas minn 250 metru minn faċilitajiet sportivi, u dan apparti skejjel, klabbs u ċentri taż-żgħażagħ.
Insemmu wkoll il-fatt li l-liġi kif emendata tipprovdi aktar ċarezza legali dwar sustanzi psikoattivi biex ikun projbit il-bejgħ ta’ prodotti sintetiċi u semi-sintetiċi li kien qed isir lil hinn mill-qafas regolat tal-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
L-ARUC hija mgħammra bl-istruttura meħtieġa u bdiet tieħu passi fuq rapporti li jaslulha dwar irwejjaħ tal-kannabis f’postijiet residenzjali. Minħabba dan, meta jsir ilment bid-dettalji meħtieġa, l-uffiċjali tal-ARUC se jagħmlu kuntatt mal-persuna li allegatament tkun qed tikser il-liġi, biex jinstab rimedju.
Għalkemm il-liġi tipprovdi għal multi għall-inkonvenjenzi mill-irwejjaħ tal-kannabis, l-ARUC bħala l-ewwel pass se taħdem fuq l-edukazzjoni u toffri soluzzjonijiet li jipprovdu rimedji amikevoli u prattiċi biex jispiċċa dan l-inkonvenjent.
Jekk ma jkunx h emm qbil, l-ARUC ikollha tmexxi l-proċeduri quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja, kontra min jippersisti fil-ksur tal-liġi.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg irrimarkat li l-emendi li ġew approvati fil-Parlament saru biex jissaħħu r-regolamentazzjonijiet għaliex l-użu tal-kannabis għandu jsir dejjem b’responsabbiltà sew għal min jagħmel użu mill-kannabis kif ukoll għal persuni oħra li m’għandux ikollhom għalfejn jissapportu l-inkonvenjent mir-riħa tal-kannabis fir-residenza tagħhom.
Quddiem dan kollu xorta waħda ninsistu fuq il-fatt li l-użu responsabbli tal-kannabis jista’ jsir biss f’postijiet privati u m’għandu qatt jikkawża inkonvenjent lil ġirien. B’dan għandna nifhmu li ħadd m’għandu jabbuża iżda jkun responsabbli fl-użu tal-kannabis billi jimxi mal-parametri li tgħid il-liġi u b’hekk ma jkun ta’ inkonvenjent għal ħadd.