Fid-dawl tad-dibattitu pubbliku attwali dwar l-użu taċ-childcare centres mill-ġenituri, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE), il-korp nazzjonali għall-ugwaljanza f’Malta, tixtieq tenfasizza għadd ta’ kunsiderazzjonijiet li huma fundamentali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u għall-benesseri soċjali.
F’soċjetà fejn ir-responsabbiltajiet tal-kura għadhom jaqgħu b’mod sproporzjonat fuq in-nisa, il-provvista ta’ childcare bla ħlas kienet kruċjali biex in-nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol, javvanzaw fil-karriera tagħhom u jiksbu grad akbar ta’ indipendenza ekonomika. Iċ-childcare centres jistgħu wkoll jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-benesseri tat-tfal billi joffru opportunitajiet ta’ interazzjoni ma’ sħabhom u parteċipazzjoni f’attivitajiet kollettivi li huma essenzjali għall-iżvilupp soċjali u konjittiv tagħhom.
Fl-istess ħin, l-NCPE tirrikonoxxi li ħin ta’ kwalità adegwat bejn il-ġenituri u wliedhom huwa fundamentali għall-iżvilupp tat-tfal, kif ukoll għall-benesseri tal-ġenituri u tas-soċjetà b’mod usa’, b’mod partikolari matul l-ewwel snin tal-ħajja.
Skont riċerka reċenti tal-NCPE, 8% biss tal-ġenituri jużaw iċ-childcare centres għal tfal taħt is-sitt xhur. Madankollu, ir-riżultati jindikaw b’mod ċar il-ħtieġa urġenti li jissaħħu l-miżuri ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li jippermettu lill-ġenituri li jaħdmu li jqattgħu ħin ma’ wliedhom filwaqt li jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol.
Il-ġenituri m’għandhomx jiġu mċanfra meta ma jkollhom l-ebda alternattiva vijabbli ħlief li jagħmlu użu b’mod sħiħ mis-servizzi taċ-childcare, inkluż matul l-ewwel snin tal-ħajja tat-tfal. L-istess studju juri wkoll li l-ġenituri jiffaċċjaw diffikultajiet sinifikanti biex isibu bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u dawk tal-kura, u għaldaqstant jesprimu nuqqas ta’ sodisfazzjon kemm bit-tul kif ukoll bil-livell ta’ kumpens tal-politiki eżistenti relatati mal-leave għall-ġenituri.
F’dan il-kuntest, l-NCPE ttenni l-importanza li jiġu estiżi u introdotti miżuri aktar b’saħħithom favur il-familja. Dawn jinkludu ż-żieda fid-dritt għal-leave imħallas relatat mal-ġenituri, speċifikament billi l-leave tal-maternità jiġi estiż għal sitt xhur, il-leave tal-paternità għal erba’ ġimgħat, u l-leave tal-ġenituri għal sitt xhur b’paga sħiħa, bi tliet xhur minnhom allokati fuq bażi ta’ “jew jintuża jew jintilef”. Barra minn hekk, għandhom jissaħħu d-dispożizzjonijiet legali u l-istrutturi relatati ma’ miżuri ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, bħall-remote working u l-ħin flessibbli.
Huwa biss permezz tat-tisħiħ ta’ miżuri favur il-familja għall-ġenituri li jaħdmu li nistgħu nassiguraw il-benesseri kemm tal-ġenituri kif ukoll tat-tfal, filwaqt li nissalvagwardjaw il-parteċipazzjoni kontinwa tan-nisa u tal-irġiel fis-suq tax-xogħol.

