Friday, May 9, 2025

IT-TISĦIĦ TAL-ĠUDIKATURA

Aqra wkoll

Kif imwiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-2022, il-Gvern żamm kelmtu fit-tisħiħ tal-ġudikatura billi qed iżid l-għadd ta’ ġudikanti kif u kemm meħtieġ. Hekk sar l-Erbgħa li għadda meta ħadu l-ġurament tal-ħatra żewġ Maġistrati oħra nisa li se jservu fil-Qrati Inferjuri ta’ Malta. 

Il-ħatra ta’ dawn iż-żewġ Maġistrati tikkumplimenta l-ħatra ta’ ġudikatura f’din il-leġiżlatura li komplew isaħħu l-istruttura tal-ġustizzja f’pajjiżna bil-għan ukoll li titnaqqas il-lista twila ta’ kawżi pendenti. 

Aħna naqblu ma’ dak li qalet il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, illi l-ġudikanti għandhom ikunu imparzjali fix-xogħol tagħhom u jaqdu dmirhom bl-aktar mod ġust. Dan huwa meħtieġ biex il-poplu jżid il-fiduċja tiegħu fil-Qrati tagħna u mhux kif ġara xi drabi fejn in-nies kienu qed jitilfu l-fiduċja fl-għoti tal-ġustizzja. 

Bla dubju li dawn il-ħatriet fil-ġudikatura se jkunu qegħdin isaħħu r-riżorsi fil-Qrati u jkomplu jtejbu l-kredenzjali ta’ Malta fl-oqsma tas-saltna tad-dritt u l-governanza tajba. Mill-ġudikanti l-poplu jistenna indipendenza sħiħa, ’il fuq minn influwenzi oħra u li jkunu responsabbli.

Minbarra l-governanza tajba, l-etika teżiġi wkoll l-onestà li hija element ta’ importanza kbira billi l-bniedem mhuwiex perfett u allura huwa suġġett għall-iżball, iżda trid issir distinzjoni bejn dak li huwa żball ġenwin u żball abbużiv.

Irridu nagħtu mertu mhux biss lill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard li jidher li qed jagħmel ħiltu kollha biex itejjeb kemm il-profil tal-Qorti u anke l-operat lejn ġustizzja ekwa, kif ukoll lill-Prim Imħallef Mark Chetcuti illi t-talbiet tiegħu għal aktar ġudikanti speċjalment Maġistrati qegħdin jiġu milqugħa. 

Nittamaw li bil-ħatra ta’ aktar ġudikanti l-poplu għandu jkun sodisfatt u jtejjeb il-fiduċja tiegħu f’dan it-tielet pilastru tad-demokrazija. Konvinti wkoll li l-Gvern se jkompli jaħdem biex itejjeb fejn jara l-ħtieġa ta’ dan. Fl-istess waqt dan il-ġurnal jawgura bis-sħiħ liż-żewġ Maġistrati ġodda – Dott. Tanya Sammut u Dott. Monica Borg Galea – għall-ħatra tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport