Thursday, December 26, 2024

IT-TISĦIĦ TAL-KONNETTIVITÀ BL-AJRU

Aqra wkoll

F’dawn ix-xhur tal-istaġun tas-sajf, il-moviment tal-passiġġieri fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jinsab fl-aqwa tiegħu. Ħafna jkunu dawk li jerħula lejn pajjiż jew ieħor biex iqattgħu ftit jiem ta’ mistrieħ mal-għeżież tagħhom.

Min-naħa l-oħra, kulma jmur qed ikomplu jiżdiedu t-turisti li jiġu jżuru dawn il-gżejjer. Dan huwa kruċjali biex it-turiżmu li huwa pilastru ewlieni għall-ekonomija Maltija jkompli jirreġistra aktar riżultati pożittivi.

Imma fl-isfond ta’ dan kollu, wieħed ma jistax ma jinnotax ukoll iż-żieda b’saħħitha ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport, li ġiet irreġistrata għall-ewwel
nofs ta’ din is-sena.

Fil-fatt, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, l-ajruport Malti laqa’ 4.1 miljun passiġġieri f’dak li qed ikun deskritt bħala rekord għall-ewwel nofs tas-sena, fejn il-movimenti tal-passiġġieri għal dan il-perjodu rreġistraw żieda ta’ 18.4%
fuq is-sena li għaddiet.

Dawn ir-riżultati tant pożittivi wasslu sabiex l-ajruport ta’ pajjiżna jkollu prestazzjoni aħjar minn dik ta’ ajruporti oħra fin-naħa ta’ isfel tal-Ewropa fosthom l-Italja, il-Ġermanja u Spanja. Bla dubju, kulħadd jieħu pjaċir jisma’ b’riżultati bħal dawn li jippermettu wkoll li jsir aktar investiment u żvilupp fl-ajruport biex
ikompli jlaħħaq mad-domanda turistika.

Dan kollu qed jinkiseb ukoll bil-ħidma sfiqa ta’ diversi entitajiet li jagħmlu minn kollox biex jirreklamaw lil pajjiżna bl-aħjar mod lil hinn minn xtutna. Fuq quddiem nett, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li permezz ta’ kampanji ta’ reklamar li tagħmel minn żmien għal żmien, tiffoka fuq il-fatt li Malta hi destinazzjoni mhux biss għall-istaġun tas-sajf iżda għas-sena kollha.

Dan filwaqt li tkompli turi l-karatteristiċi partikolari u uniċi li joffru l-gżejjer Maltin u anke timmira lejn ir-reklamar ta’ pajjiżna f’diversi swieq ġodda u l-iżvilupp ta’ niċeċ ġodda fit-turiżmu.

Dawn il-karatteristiċi sbieħ u uniċi ta’ pajjiżna qed ikunu msemmija bi prominenza f’siti barranin. Fosthom bl-aħbar riċenti li l-linja tal-ajru tar-Repubblika Irlandiża AerLingus se tibda topera titjiriet minn Dublin għal Malta tliet darbiet fil-ġimgħa minn Ottubru li ġej.

B’din il-konnettività ġdida, pajjiżna b’mod sinifikattiv qed iħares li b’mod indirett ikollna wkoll iżjed konnettività ma’ ‘l fuq minn 17-il ajruport fl-Istati Uniti u l-Kanada. Fl-istess waqt li qed tissaħħaħ ukoll il-konnettività ta’ pajjiżn mat-Tramuntana tal-Ewropa.

Malta hija gżira. Għalhekk il-konnettività bl-ajru tibqa’ kruċjali għal pajjiżna. Kif hija importanti li l-Gvern ikompli jħares sabiex jinġiebu lejn pajjiżna aktar turisti ta’ kwalità fix-xhur kollha tas-sena.


Ekonomija

Sport