Sunday, November 24, 2024

IT-TISĦIĦ TAS-SALTNA TAD-DRITT U L-GOVERNANZA

Aqra wkoll

Is-saltna tad-dritt f’dawn l-aħħar snin kien suġġett ta’ kontroversja f’pajjiżna. Tant li kien hemm min ħataf l-okkażjoni biex joskura lil Malta mhux biss f’pajjiżna stess imma anke f’fora Ewropej. 

Din il-kwistjoni ma bdietx f’dawn iż-żminijiet imma saħansitra anke qabel l-2013 meta l-Korp tal-Kunsill tal-Ewropa magħruf bħala l-Moneyval kien diġà tefa’ ħarstu fuq pajjiżna. 

Kien għalhekk ukoll li f’dawn l-aħħar snin it-tisħiħ tas-saltna dritt f’pajjiżna sar wieħed mill-ogħla prijoritajiet mill-Gvern Laburista. Dan wassal biex jittieħdu l-passi u jsiru dawk ir-riformi meħtieġa li kienu milqugħa b’approvazzjoni mill-Kumitat tal-PE magħruf bħala LIBE, mill-Monevyal u anke l-Kummissjoni Venezja. 

L-aħħar rapport innota li sar mill-Kumitat LIBE innota li għad fadal xi jsir f’dan il-qasam hekk importanti. Dan minkejja li l-Gvern wettaq bosta miżuri u rakkomandazzjonijiet li wasslu biex pajjiżna ma jibqax aktar fil-lista l-griża tal-FATF u b’hekk reġgħet bdiet tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta ‘l barra minn xtutna. 

Uħud mir-riformi li saru kienu tali li l-istess Prim Ministru reħa minn idejh il-poteri kostituzzjonali li kellu fosthom li jaħtar lill-membri tal-ġudikatura u kif ukoll li l-ħatra tal-President issir b’żewġ terzi tal-Parlament. 

Wieħed jinnota wkoll il-bidla fil-mod kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, fejn meta qabel dan kien jinħatar mill-eżekuttiv tal-pajjiż, issa jimtela’ wara sejħa pubblika u bi proċess ta’ skrutinju minn Kumitat Parlamentari. Din il-bidla minnha nfiha hi messaġġ b’saħħtu tal-Gvern biex itejjeb aktar il-governanza tajba. 

Xhieda tal-importanza li l-Gvern qed jagħti lir-riformi jidhru mill-fatt illi dawn qed ikunu rikonoxxuti minn istituzzjonijiet internazzjonali saħansitra mill-FATF li f’inqas minn sena neħħiet lil pajjiżna mil-lista l-griża. B’dan il-mod, qed inkomplu ntejbu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna bir-riżultat li se jkompli jiġi attirat aktar investiment lejn Malta. 

Konvinti li l-miżuri li introduċa dan il-Gvern se jkomplu għaddejjin bl-istess ritmu anke għaż-żmien li ġej biex is-saltna tad-dritt u l-governanza jkomplu jiġu mtejba għas-sodisfazzjon tas-soċjetà kollha. 

Sport