Saturday, November 23, 2024

It-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huwa importanti daqs it-tkabbir tal-ekonomija

Aqra wkoll

Ġimagħtejn ilu reġgħu nfetħu numru ta’ ħwienet iżda l-Prim Ministru għamilha ċara li l-għajnuna, jiġifieri l-pakkett ta’ inċentivi tal-paga ta’ €800, mhux se tieqaf ħesrem. Kemm se jdumu jirċievu l-inċentiv dawn il-kumpaniji u l-ħaddiema?

Il-Gvern qiegħed attent għal kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni lokalment u internazzjonalment. Se naraw x’tip ta’ għajnuna wieħed għandu jibqa’ jagħti jew x’tip ta’ għajnuna hemm bżonn li jbiddel u jibqa’ jagħti għaż-żmien li ġej. Kif għidt inti il-Prim Ministru qal li l-għajnuna mhux se tieqaf ħesrem. Anke għax nafu li ma jfissirx li għax ftaħt il-ħanut, il-bejgħ tela’ mill-ewwel fl-istess livelli li kien qabel il-Covid-19.

Imma l-Gvern għandu mira ta’ kemm se jdum isostni din is-sitwazzjoni?

Fl-MCESD u l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, qal illi l-Ministeru tiegħu fi ħdan il-Gvern ħaseb għas-sena kollha. Il-flus li hemm disponibbli sabiex aħna nkunu nistgħu nikkumbattu l-pandemija kemm mill-aspett ta’ saħħa u kemm mill-aspett ta’ ekonomija. Sa issa wieħed ma jistax jitkellem fuq terminu ta’ żmien. Ma jfissirx li l-għajnuna ma tistax tinbidel fil-forma jew fil-kwantità tagħha iżda l-messaġġ tal-Prim Ministru kien ċar. Li jista’ jkun hu, li jekk naraw li kollox sejjer tajjeb, l-għajnuna tal-Gvern tibda tonqos ftit ftit biex imbagħad din tkun tista’ tieqaf meta wieħed jara li ċ-ċirkustanzi jkunu tali li l-għajnuna tkun tista’ tieqaf.

Parti mill-għajnuna kienet li l-Gvern jagħti paga ta’ €800 fix-xahar lill-ħaddiema f’ċerti industriji. Apparti minn dak il-ftehim soċjali kien hemm ukoll l-obbligu fuq l-impjegaturi li jagħmlu top-up ta’ €400 biex il-ħaddiem tal-anqas jaqla’ €1,200. Tkellmu magħna numru ta’ azjendi u ħaddiema fejn min iħaddem ma riedx jagħtihom dik l-€400. Għalfejn ma daħħaltux liġi li tobbliga lill-impjegatur jagħti dawk l-€400 bilfors?

Dak huwa l-ftehim li kien hemm fl-MCESD. Jiġifieri s-sħab soċjali kollha; il-Gvern, il-unions u min iħaddem, qablu fuq din is-soluzzjoni. Dak il-ftehim kulħadd irid jonorah. Il-Gvern qed jonora l-parti tiegħu u qed nagħmlu enfasi partikoli biex min iħaddem jonora wkoll il-parti tiegħu. Imma naqbel li mhux minnu li kulħadd qiegħed tabilħaqq jonorah. Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi qed jirċievi ċertu lmenti mill-ħaddiema li qed jgħidu li mhux qed jeħduhom u jistaqsu dwar x’jista’ jsir. Min iħaddem ukoll qiegħed imur għand id-Dipartiment. Kien hemm każi oħra fejn kumapniji marru id-Dipartiment u qalulhom  li ma jistgħux jagħtu l-anqas parti mit-top-up lill-ħaddiema tagħhom u talbu li jkunu eżentati minn dan. Irridu naraw iċ-ċirkustanzi ta’ kull post tax-xogħol. Ma jistax wieħed jaqta’ linja dritta u jgħid li din trid tingħata, jiġri x’jiġri. Jista’ jkun hemm ċirkustanzi partikolari ħafna fuq il-post tax-xogħol u wieħed irid jingħata l-possibbiltà li jitressqu r-raġunijiet lid-Dipartiment biex dan imbagħad ikun jista’ jiddeċiedi dwar il-każ. Iżda, jekk iddaħħalha b’liġi, dan jista’ joħloq diffikultajiet legali. Ħassejna li l-patt soċjali nnifsu huwa rabta biżżejjed biex wieħed ikun jista’ jagħti t-top-up mistenni.  

Il-ftehim tat-€800 ma kienx ikopri lil kulħadd. Hemm eluf li bbenefikaw iżda hemm eluf ukoll li ma bbenefikawx. Għalfejn din id-diskriminazzjoni bejn ħaddiem u ħaddiem?

Ma narahiex kwistjoni ta’ diskriminazzjoni. Naraha kwistjoni ta’ sitwazzjoni fejn il-Gvern beda jgħin mill-ewwel lil dawk il-kumpaniji u postijiet tax-xogħol – kemm jekk ħwienet kemm jekk self-employed – li għalqu b’ordni tal-Gvern. B’hekk l-ewwel għajnuna kienet indirizzata lil dawn il-postijiet tax-xogħol. Naturalment għalhekk għidt li l-Gvern baqa’, u se jkompli, jsegwi s-sitwazzjoni għax irriżulta li ċertu postijiet tax-xogħol oħrajn li fil-bidu nett ma kinux inklużi, intlaqtu minħabba postijiet oħrajn li għalqu. Il-Gvern irreaġixxa billi jew daħħalhom fl-iskema f’każ li ma kinux diġà inklużi jew waqgħu taħt l-għajnuna parzjali.

Iżda l-Gvern irid jagħmel ċertu għażliet. Ma jistax ikun li wieħed jgħid se naqbdu u ngħin lil kulħadd mingħajr ħsieb. Kien hemm xi postijiet tax-xogħol li żdidilhom ix-xogħol tagħhom pereżempju xogħol marbut mal-ikel. Kien hemm oħrajn li naqsilhom jew anke spiċċaw effettivament bla dħul. Il-Gvern qiegħed jara min huma dawk li ntlaqtu ħażin, mhux bilfors b’konsegwenza diretta iżda wkoll b’konsegwenza indiretta u naraw każ każ x’għajnuna hija idoneja. 

Ħafna ħaddiema f’diversi postijiet tax-xogħol aċċettaw li jitnaqqsulhom il-kundizzjonijiet jew pagi għaliex fehmu s-sitwazzjoni kif inhi. Iżda teżisti l-biża dwar jekk wara li jgħaddi kollox nerġgħux nieħdu lura dak li tlifna jew jekk dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi jkunu mnaqqra.

Il-Gvern mhux se jaċċetta li jkun hemm abbużi mill-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. L-ewwel nett mhux se naċċettaw li jkun hemm abbużi la minn min iħaddem u lanqas mill-ħaddiema nfushom. Irridu nimxu mal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u wara li ngħaddu minn din il-pandemija, il-kundizzjonijiet iridu jmorru lura għal kif kienu qabel. Anzi fil-każ tal-kumpaniji li reġgħu fetħu xi ħwienet irridu kemm jista’ jkun  nibdew immorru għan-normalità minn issa. Il-ħsieb tal-Gvern jibqa’ li saħansitra ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Jiena ġejt ikkwotat fejn għidt li min iħaddem irid iżomm mal-patt soċjali fl-MCESD jiġifieri li jagħmel l-isforz li mill-fondi tagħhom jagħti t-top-up lill-ħaddiema. Aħna mhux se naċċettaw li jkun hemm min japprofitta ruħu minn dawn iċ-ċirkustanzi biex inaqqar, mill-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Issa inżid biċċa oħra. Issa li bdejna niftħu ċertu postijiet tax-xogħol, il-ħaddiema ma jistgħux jagħżlu huma jekk imorrux jew le għax-xogħol. Meta tkellimt mad-Direttur Ġenerali responsabbli mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi infurmatni li kellna ċertu ħaddiema, issa li ngħatat il-possibbiltà li jinfetħu xi postijiet tax-xogħol, li qishom iridu jagħżlu huma jmorrux għax-xogħol jew le. Ma tistax tgħid m’iniex sejjer għax-xogħol għax drajt id-dar jew għax qed nieħu t-€800. Naturalment il-prekawzjonijiet kollha jridu jittieħdu: il-maskra, ħasil tal-idejn ta’ spiss, hand sanitizers, tindif ta’ spiss, id-distanza bejn persuna u oħra. Iżda importanti wkoll li jekk min iħaddem iddeċieda li jiftaħ, għax l-Awtoritajiet tas-Saħħa taw dan il-permess, il-ħaddiema ma jiħdux l-liġi b’idejhom. Bħalma min iħaddem ma jistax jieħu l-liġi b’idejh. Importanti li jekk issa ngħataw il-possibbiltà li jerġgħu jiftħu u ġew imsejħa biex imorru lura għax-xogħol, ħadd ma jieħu l-liġi b’idejh u jiddeċiedi mod ieħor. Ovvjament jekk ikun hemm raġunijiet validissimi wieħed irid jarahom.

Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi bħalissa qiegħed fiċ-ċentru ta’ din il-ħidma. Iżda għandu biżżejjed riżorsi biex iwettaq spezzjonijiet?

Nibda billi ngħid li napprezza ħafna x-xogħol li qed jagħmlu fil-preżent għax qed ilaħħqu ma’ eluf ta’ telefonati u emails kemm mill-ħaddiema u kemm minn min qed iħaddem.

Meta għamilt iż-żjara uffiċjali fil-bidu tal-ħatra tiegħi bħala Ministru responsabbli minn dan id-Dipartiment, wieħed mill-kummenti li kont għaddejt huwa li d-Dipartiment għandu bżonn aktar riżorsi umani, speċjalment riżorsi fil-qasam tal-ispettorat. Irridu nkunu aktar proattivi f’sens li mhux biss nirċievu ilmenti u ninvestigawhom iżda li nkunu aktar proattivi. Diġà hemm ċerta proattività mill-ħaddiema iżda naħseb li hemm bżonn aktar riżorsi umani f’dan is-sens.

Il-pajjiż kollu huwa ffukat fuq il-Covid-19 u l-miżuri relatati. Iżda fuq l-aġenda tal-Gvern kien hemm numru ta’ affarijiet fosthom proposta tal-GWU li sħubija f’union għandha tkun obbligatorja, il-‘gender paygap’, il-‘pay transparency’.

Dawn għadhom fuq l-aġenda tal-Gvern. Aħna bħala Gvern impenjati li nkomplu d-diskussjoni fejn diġà nbdiet u li nibdew id-diskussjoni fejn din s’issa ma qabditx ċertu ritmu. L-intenzjoni tagħna hija li hekk kif neħilsu mill-pandemija u kemm jista’ jkun niġu lura għan-normal jew għal normalità ġdida, skont kif wieħed jinterpretaha, aħna nkomplu jew nibdew nitkellmu fuq dawn il-kwistjonijiet li għall-Gvern huma importanti.

Se ssib widen mingħand min iħaddem?

Għalhekk il-konsultazzjoni. Iżda hija l-intenzjoni tal-Gvern li nitkellmu dwar dawn il-kwistjonijiet u li naġixxu, mhux biss nitkellmu. Trid tittieħed deċiżjoni. Kollha kemm aħna rridu nibqgħu attenti għaċ-ċirkustanzi li nkunu ninsabu fihom. Irridu nibqgħu nsegwu kif tkun qed tiżviluppa l-ekonomija Maltija u kif tkun ir-realtà l-ġdida wara li noħorġu minn din il-pandemija. L-intenzjoni tal-Gvern hija li ngħinu u nixprunaw l-ekonomija, biex din tkompli tikber bħal ma kienet qed tagħmel qabel dħalna fil-pandemija. Bl-istess mod irridu naraw li ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Ma nistgħux naħdmu biss biex inkabbru l-ekonomija. Iva, din irridu nkomplu nagħmluha u għandna naħdmu flimkien għal dan il-għan. Iżda mhux biss biex inkabbru l-ekonomija iżda biex inkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema nfushom.

Sport