Wednesday, November 19, 2025

‘It-titli, is-suċċessi, il-mumenti sbieħ jiġu bilmod … l-importanti hu li qatt ma tieqaf tipprova’ – André Coelho

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

F’intevista eskussiva li ta lil dan il-ġurnal, André Coelho, il-famuż plejer Portugiż tal-futsal, tkellem dwar il-karriera tiegħu, ir-ritorn tiegħu ma’ SL Benfica, u l-esperjenzi tiegħu f’Malta waqt il-fażi tal-UEFA Futsal Champions League.

F’konverżazzjoni miftuħa u sinċiera, André wera kemm jibqa’ umli minkejja l-kisbiet tiegħu, u kemm huwa determinat biex jgħin lill-Benfica tikkompeti għall-unuri kollha.

Imwieled fit-30 ta’ Ottubru 1993 f’Nelas, Viseu, il-Portugall, André Coelho kiber f’ambjent sempliċi u sportiv.

Minn meta kien żgħir kien iħoss imħabba partikolari għall-ballun, iżda kien il-futsal li verament kien għal qalbu. “Kelli x-xorti nikber f’komunità fejn l-isport huwa rispettat ħafna. Minn dejjem ħassejtni komdu fil-futsal, ir-ritmu, il-ħsieb tattiku, ir-responsabbiltà tad-difiża dawn l-affarijiet kollha jagħmluh sport li nħossni parti minnu,” jgħid André b’tbissima.

Il-profil fiżiku tiegħu, l-intelliġenza tattika u d-dixxiplina difensiva għamluh perfett għar-rwol ta’ fixo (kif isejħilha l-pożizzjoni tiegħu), rwol kruċjali f’kull tim kompetittiv.

Coelho ingħaqad mal-Benfica għall-ewwel darba fl-2017, fejn malajr sar wieħed mill-plejers l-aktar fundamentali tat-tim. Kien hemm li rebaħ il-kampjonat Portugiż u diversi Taças da Liga, suċċessi li għamluh rispettat ħafna fil-futsal Ewropew.

Fl-2020 għamel pass importanti barra minn pajjiżu meta ffirma ma’ FC Barcelona, wieħed mill-aktar klabbs prestiġużi fid-dinja tal-futsal. “L-esperjenza fi Spanja kienet importanti ħafna. Tgħallimt ħafna, kelli sfidi ġodda u sirt iktar matur bħala plejer,” jgħid André.

Imbagħad, fl-2024, wasal ir-ritorn li tant kien mistenni: André lura għand Benfica, b’kuntratt sal-2028. “Inħossni qiegħed id-dar. Benfica huwa ħafna iktar minn klabb għalija, huwa post fejn ħallejt familja sportiva. Illum jien plejer aktar matur u determinat biex nagħti kollox għal din il-kamisa.”

Benfica waslu Malta biex jipparteċipaw fil-fażi tal-UEFA Futsal Champions League, u kellha tliet logħbiet importanti kontra Loznica (Serbja), Riga Futsal (Latvja) u Luxol St Andrew’s (Malta).

“Il-logħbiet kienu diffiċli ħafna,” jikkummenta André. “Aħna nafu li l-livell fl-Ewropa qed jogħla u kull logħba tista’ tkun antipatika. Iktar faċli meta mmorru fil-vantaġġ mal-ewwel, iżda qatt ma ngħidu li rbaħna qabel ma tispiċċa l-logħba. Dejjem inżommu l-umiltà.”

Din kienet it-tieni darba tiegħu Malta. “Ġejt Malta diġà fl-2022 meta kont nilgħab ma’ Barcelona. Dejjem inħobb niġi hawn. Pajjiż sabiħ ħafna, nies ġentili, u atmosfera sportiva li verament tapprezza.”

Coelho ilu parti mill-iskwadra nazzjonali Portugiża sa mill-ewwel sejħa tiegħu lura għas-sena 2013. Illum huwa wieħed mill-aktar elementi stabbli tat-tim.

“Li tirrappreżenta lill-Portugall huwa unur kbir. Irrid nagħti l-aħjar tiegħi f’kull minuta. Nafu li bħala pajjiż għandna kwalità kbira fil-futsal u rridu nkomplu nuru dan,” jisħaq hu.

Iżda x’jagħmel lil André tant importanti fuq il-court?

“Jiena difensur, iva, imma mhux biss. Irrid norganizza, nipprevedi fejn se jmorru l-azzjonijiet tal-avversarji, nibda l-kontroll tal-logħba. Il-kalma hija importanti ħafna fil-futsal. Il-bidliet huma veloċi u trid tkun dejjem mentalment preżenti.”

L-esperjenza tiegħu tagħtih ukoll rwol ta’ mexxej. “Inħossni responsabbli li ngħin lill-plejers iżgħar, li nkun eżempju tajjeb. Kull tim għandu bżonn mexxejja li jġibu stabbiltà.”

Jista’ Benfica jirbħu kollox? André jemmen dan ferm.

“Benfica huwa tim tal-ogħla livell. Iva, nistgħu nirbħu l-Kampjonat Portugiż, it-Tazza u l-UEFA Champions League. Aħna qed naħdmu kuljum biex nagħmlu dan realtà. Ma niksbu xejn mingħajr ma nkunu qed naħdmu b’mod sod kollox jiddependi mix-xogħol tagħna.”

Meta staqsejnieh jekk qatt ħasebx jilgħab football, weġibna b’mod ċar:
“Le. Jiena plejer tal-futsal. Dan huwa l-isport tiegħi, fejn inħossni komdu u fejn nista’ nagħti l-aħjar tiegħi. Il-futsal għandu identità speċjali u jien inħobb dik il-parti tiegħu.”

André temm l-intervista b’messaġġ pożittiv u motivazzjonali.

“L-aqwa parir li nista’ nagħti lit-tfal huwa dan: kunu ferħanin u aħdmu qatigħ. Il-ferħ jagħtik motivazzjoni, u l-ħidma tagħtik ir-riżultati. Mhux kuljum ikun faċli, imma jekk tħobb dak li tagħmel u tagħmel sagrifiċċji, tista’ tilħaq il-miri tiegħek.”

Żied jgħid li l-futsal bħall-ħajja irid paċenzja. “It-titli, is-suċċessi, il-mumenti sbieħ jiġu bilmod. L-importanti hu li qatt ma tieqaf tipprova.”

Barra l-impenn tiegħu fuq il-court, André Coelho huwa wkoll plejer li jagħraf l-importanza li jibqa’ qrib il-partitarji u l-komunità. Spiss jitkellem dwar kemm il-futbol tal-belt twelidu u l-familja tiegħu kienu kruċjali biex jasal fejn qed jinsab illum. Jgħid li l-appoġġ tan-nies jagħtih enerġija biex ikompli jaħdem u jtejjeb il-livell tiegħu ta’ kuljum.

“Il-partitarji jagħtuk saħħa li ma tistax titkejjel,” jgħid hu. Għal André, il-futsal mhuwiex biss sport, iżda mod ta’ ħajja li jgħaqqad in-nies permezz ta’ passjoni u rispett reċiproku.

André Coelho mhux biss plejer ta’ livell mondjali, iżda wkoll mexxej li jħaddan l-umiltà u x-xogħol iebes.

Ir-ritorn tiegħu ma’ Benfica, flimkien mal-esperjenza vasta tiegħu, jagħmluh figura importanti fil-futsal Ewropew. Għal Malta, ż-żjara tiegħu tfisser ukoll opportunità biex jara mill-qrib wieħed mill-aqwa difensuri fil-logħba moderna.

U għal André, il-messaġġ tiegħu jibqa’ ċar: “Aħna qegħdin hawn biex nirbħu, imma dejjem b’ħidma u bir-rispett.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport