“Din tal-Ministru part tajm ma naqbilx magħha assolutament. Naħseb li r-rekord f’dawn l-aħħar xhur tiegħi flimkien mat-tim tiegħi juri li ħdimna bis-sħiħ f’kull qasam li għandu x’jaqsam mas-saħħa u għalhekk naħseb li dan it-titlu ta’ Ministru part tajm huwa spin li ma naħsibx li jreġi.”
Il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela iddikjara dan ma’ IT-TORĊA quddiem il-kritika li saret fil-konfront tiegħu, minħabba li ingħata deroga li jista’ jagħmel operazzjonijiet f’xi każijiet partikolari.
Staqsejnieh dwar issue li konna qed nisimgħu fil-ġurnali riċentament, fejn kien hemm forma ta’ kritika fil-konfront tiegħu, li hu Ministru teknikament part-tajm, minħabba li anke il-Prim Ministru tah deroga biex jibqa’ jipprattika il-professjoni tiegħu. Irrefejnieh għall-fatt li x-xogħol ta’ Ministru speċjalment tas-saħħa huwa iktar minn full-tajm, u allura kif jista’ jingħata prijorità lil żewġ professjonijiet daqshekk impenjattivi f’daqqa?.
Għal din id-domanda il-Ministru jiddikjara li “d-deroga li l-Kabinett u il-Prim Ministru tani biex inkompli nopera, hija deroga li hija speċifika ħafna. Jiena minix it-tip ta’ kirurgu li mmur l-isptar Mater Dei nara il-pazjenti l-Outpatients per eżempju jew nagħżel il-pazjenti biex noperahom. Mhuwiex il-kas. L-ewwel nett id-deroga tgħid li ma nistax naħdem privat, dik importanti immens. It-tieni nett, id-deroga tgħid li jien ma nitħallasx extra meta mmur l-isptar, jiena mmur l-isptar meta kollegi tiegħi, konsulenti jiddeċiedu li jsaqsuni għal għajnuna f’ċerti kundizzjonijiet li għandi jien esperjenza u skills li nitratta magħhom, id-deroga għalhekk qiegħda.
Filfatt jekk nista’ nagħtik statistika minn Jannar ta’ din is-sena sa issa, ħadt sehem fi ħmistax-il operazzjoni, erbgħa minnhom huma operazzjonijiet li saru f’nofs ta lejl, fis-sagħtejn ta’ filgħodu u fl-erbgħa ta’ filgħodu, issa jiena nemmen li jekk nista’ inkun ta’ għajnuna għall-kollegi tiegħi imma b’mod speċjali għall-pazjent, jekk il-pazjent għandu bżonn l-għajnuna tiegħi u fil-fehma tal-kollegi tiegħi, jien nista’ nagħti għajnuna, ovvja li bħala Ministru għas-Saħħa u bħala tabib ukoll, jien minix ħa nirrifjuta li ngħin, id-deroga għalhekk qiegħda. Se nerġa’ ngħid ħmistax il-operazzjoni, operazzjonijiet kumplessi, ħafna minnhom bir-robotika li hija branka tal-kirurġija li ħdimt u imbuttajt biex tidħol f’pajjiżna. Dawn mhumiex operazzjonijiet taċ-ċajt.
Jien ħa nsaqsik mistoqsija jekk nista’, inti x’taħseb biex Ministru tas-Saħħa jkun fuq il-post tax-Xogħol, il-post tax-Xogħol huwa sptar, fejn nista’ nisma’ lill-pazjent, il-qraba tiegħu, spalla ma’ spalla mal-kollegi, il-ħaddiema tal-isptar, kif wieħed jista jieħu iktar informazzjoni u jkun qrib tas servizz iktar minn hekk?
Jiena din tal-Ministru part tajm ma naqbilx magħha assolutament. Naħseb li r-rekord f’dawn l-aħħar xhur tiegħi flimkien mat-tim tiegħi juri li ħdimna bis-sħiħ f’kull qasam li għandu x’jaqsam mas-saħħa u għalhekk naħseb li dan it-titlu ta’ Ministru part tajm huwa spin li ma naħsibx li jreġi.
“Naħseb li kieku saru il-kjarifiki qabel ma kienx ikun hemm bżonn joħroġ hekk, però jien miniex statwa”
Nistqsuh dwar il-fatt li meta nħarġet ir-risposta tiegħu fuq il-midja soċjali, hu deher li qisu ħadha bħala kritika personali. Staqsejnieh jekk iħossx li hu dritt li jkun hemm kritika.
Jiddikjara li “jien il-kritika ma nibżax minnha, jiena dawn l-operazzjonijiet li nieħu sehem fihom, operazzjonijiet bi stakes għoljin, b’riskju għoli ħafna ta’ komplikazzjonijiet. Meta inħoss li kien hemm komplikazzjonijiet, jiena dejjem nirraporta lili nnifsi, jiġifieri il-kritika żgur li ma nibżax minnha, però meta nara artiklu ta’ dak it-tip, li tista’ tgħid kien artiklu anonimu, ‘reporter anonimu’, li ma ċċekjax il-fatti sew kif inhuma, jiena ħassejtu artiklu li qed jipprova jagħmel ħsara personali lili u lill-Prim Ministru għax il-Prim Ministru kien imsemmi ukoll. Jiena naħseb li kieku saru il-kjarifiki qabel ma kienx ikun hemm bżonn joħroġ hekk, però jien miniex statwa, għedtlek li nħobb ir-robotika imma jien minix robot, jiġifieri forsi r-reazzjoni inizjali hija li bħal ma jgħid Shakespeare min iniggiżni, inweġġa’, imma għal din it-tip ta’ kritika jien naħseb li ma kinitx iġġustifikata, jiena nirrispondi b’aktar xogħol.”