L-Indiċi tal-Bank Ċentrali dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali b’mod ġenerali baqa’ l-istess f’Novembru meta mqabbel ma’ Ottubru, u kien f’livell kemxejn ogħla mill-medja storika.
L-indikatur tas-sentiment ekonomiku maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta żdied u kien f’livell ogħla mill-medja storika. Sadattant, l-indikatur tal-aspettattivi tal-impjiegi żdied f’Novembru u baqa’ f’livell ogħla mill-medja storika.
L-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu fis-setturi kollha ħlief fis-setturi tas-servizzi u l-kostruzzjoni. F’Ottubru, kemm il-produzzjoni industrijali u kif ukoll il-kummerċ bl-imnut żdiedu fuq sena qabel. F’Settembru, it-tkabbir annwali fil-produzzjoni tas-servizzi mmodera bi ftit meta mqabbel ma’ Awwissu. Ir-rata tal-qgħad baqgħet baxxa minn perspettiva storika. Din baqgħet l-istess għat-tielet xahar konsekuttiv u taħt ir-rata li kienet sena qabel.
Il-permessi residenzjali f’Ottubru kienu ogħla mil-livell tal-istess xahar sena ilu. F’Novembru, in-numru ta’ konvenji residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta’ bejgħ naqsu meta mqabblin ma’ sena ilu.
Matul it-tnax-il xahar sa Ottubru, aċċellera t-tkabbir annwali fid-depożiti tar-residenti Maltin, li jifforma parti mill-aggregat monetarju wiesa’ M3. It‑tkabbir fil‑kreditu lir‑residenti Maltin naqas marġinalment meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel minħabba tnaqqis fit-tkabbir fil‑kreditu lill‑gvern ġenerali.
F’Novembru, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) niżlet għal 2.1%. Filwaqt li l-inflazzjoni globali f’Malta kienet f’livell kemxejn taħt il-medja taż-żona tal-euro, l-inflazzjoni HICP, dik li teskludi l-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija, kienet fil-livell ta’ 2.0% – ferm inqas mir-rata korrispondenti fiż-żona tal-euro.
Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l-inflazzjoni f’Novembru naqset għal 1.3% minn 1.6% f’Ottubru.
F’Ottubru, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit aktar baxx meta mqabbel ma’ sena qabel, hekk kif żieda fid-dħul tal-gvern kienet akbar miż-żieda fl-infiq.