Wednesday, January 22, 2025

It-tkabbir ekonomiku rivedut ‘il fuq – tbassir tal-Bank Ċentrali

Aqra wkoll

Skont l-aħħar tbassir tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-prodott domestiku gross (PDG) ta’ Malta mistenni jikber b’4.9% fl-2024. It-tkabbir mistenni jbatti għal 3.9% fl-2025, 3.6% fl-2026 u 3.4% fl-2027. Dan ifisser reviżjoni ’l fuq għal kull sena sal-2026 meta mqabbel mat-tbassir preċedenti. Fil-biċċa l-kbira dan huwa riżultat tar-reviżjoni fid-data tal-passat, speċjalment fl-2023.

It-tkabbir mistenni li jkun xprunat mid-domanda domestika minħabba tkabbir fil-konsum privat, li parzjalment jirrifletti tnaqqis fil-piż tat-taxxa fuq id-dħul. L-investiment privat huwa mistenni jirkupra wara t-tnaqqis qawwi rreġistrat fl-2023. Il-kontribut tal-esportazzjoni netta mistenni li jkun pożittiv ukoll, iżda inqas minn dak tad-domanda domestika.

It-tkabbir fl-impjiegi mistenni li jimmodera minn rati għoljin passati, bir-rata tal-qgħad tibqa’ madwar it-3%.

Il-pagi mistennija li jikbru b’rata ferm aktar mgħaġġla fl-2024, li primarjament tirrifletti l-impatt tal-inflazzjoni f’dawn l-aħħar snin, u suq tax-xogħol ristrett. Wara, dawn mistennija jimmoderaw xi ftit minħabba tnaqqis fil-pressjonijiet inflazzjonarji.

L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur hija fil-fatt imbassra li tbatti b’mod sinifikanti minn 5.6% fl-2023 għal 2.5% fl-2024, qabel ma tinżel għal 2.0% sal-2026. Meta mqabbla mat-tbassir preċedenti, l-inflazzjoni tibqa’ l-istess fl-2024 u l-2026, iżda ġiet riveduta b’0.1 ta’ punt perċentwali fl-2025. Din tal-aħħar tirrifletti l-impatt tal-konsum privat fuq l-inflazzjoni.

Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni jinżel minn 4.5% fl-2023 għal 3.9% fl-2024, u li jkompli jonqos matul il-kumplament tal-perjodu tat-tbassir. Sal-2027, id-defiċit huwa mbassar li jilħaq it-2.7% tal-PDG. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG mistenni li jiżdied matul il-perjodu tat-tbassir u jilħaq il-livell ta’ 50.9% sal-2027. It-tbassir tal-proporzjon tad-defiċit fil-PDG fil‑biċċa l‑kbira tiegħu ma nbidilx meta mqabbel mat-tbassir tal‑Bank ta’ Awwissu, hekk kif it-titjib fil-qagħda ekonomika mistenni jagħmel tajjeb għall-impatt ta’ miżuri ġodda mħabbra fil-baġit 2025. Sadattant, il-proporzjon tad-dejn fil-PDG ġie rivedut ’l isfel, primarjament minħabba r-reviżjoni fid-data tal-passat.

Sport