Monday, April 29, 2024

“It-tkabbir fl-ekonomija Maltija huwa fost l-ikbar fl-Ewropa minkejja diversi sfidi”

- Intervista ma’ Roderick Psaila - konsulent finanzjarju

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Meta wieħed iħares b’mod globali lejn l-ekonomiji tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea, fil-preżent huwa evidenti li l-ġid f’pajjiżna jew kif magħruf f’termini ekonomiċi bħala l-prodott gross domestiku qiegħed jikber b’rata aktar mgħaġġla meta mqabbel ma’ stati oħra membri, u dan f’xenarju fejn għadna kif ħriġna minn pandemija dinjija. 

Dan qalu l-konsulent finanzjarju Roderick Psaila f’intervista li kellu ma’ dan is-sit, fejn saħaq li meta taqta’ s-snin iebsin li Malta flimkien mal-bqija tad-dinja għaddiet minnhom matul il-pandemija tal-Covid-19, l-ekonomija lokali baqgħet tespandi b’rata akbar mill-medja tal-Unjoni Ewropeja b’mod konsistenti. 

Psaila qal li għal dan l-aħħar perjodu, Malta kienet qed tiġi it-tieni wara l-Irlanda fejn jidħol it-tkabbir ekonomiku. Huwa jattribwixxi dan it-tkabbir għad-deċiżjonijiet meħuda mill-Gvern waqt il-pandemija nnifisha, fejn il-Gvern Malti wieżen lil numru ta’ ndustriji lokali, partikolarment lis-settur turistiku, biex il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema setgħu jżommu l-impjieg tagħhom permezz tas-sussidju mogħti mill-Gvern. 

Kien għalhekk li meta battiet il-pandemija, bosta industriji lokali sabu saqajhom mill-ewwel u setgħu jkomplu fejn ħallew qabel il-pandemija mingħajr ma kellhom għalfejn jerġgħu jibdew jibnu l-istrutturi mill-ġdid.  Dan jixhdu wkoll l-ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna matul din is-sena, fejn se nkunu qed naqbżu l-figuri rekord tal-2019.

Rigward id-dinja tax-xogħol, Roderick żied jirrimarka kif ir-rata ta’ nies jaħdmu lokalment meta mqabbla mal-medja fl-Unjoni hija għolja ħafna, kemm meta tħares lejn il-figura globali, kif ukoll separatament ir-rati tal-irġiel jew nisa fid-dinja tax-xogħol.

Huwa sostna kif dan ma kienx il-każ lura fl-2012, fejn ir-rata ta’ rġiel li jistgħu jaħdmu u li kienu fid-dinja tax-xogħol kien madwar il-medja tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li r-rata ta’ nisa li setgħu jaħdmu u fil-fatt kellhom impjieg lokalment kienet l-anqas meta kkomparata mal-istati membri fl-Unjoni.

Irrimarka li l-miżuri progressivi u favur il-bżulija meħuda minn Gvern Laburista, fosthom childcare b’xejn u tapering tal-benefiċċji tal-qgħad kienu strumentali biex illum Malta tinsab fl-għola postijiet tar-rata ta’ persuni li qegħdin f’impjieg meta mqabbla mal-bqija tal-UE. 

Meta mistoqsi dwar x’jaħseb fuq l-inflazzjoni, l-espert fil-finanzi qal li huwa stat ta’ fatt li l-prezzijiet lokalment anki ta’ oġġetti essenzjali għolew ħafna, anki minħabba li bosta minn dawn il-prezzijiet jiġu nfluwenzati minn inflazzjoni fil-pajjiżi minn fejn inkunu qed nesportaw il-prodotti, dik li tissejjaħ imported inflation.

Hawnhekk, hu żied jgħid; “Il-fatt li Malta gżira, l-inflazzjoni f’pajjiżna giet effettwata wkoll miż-żieda fin-nefqa biex il-prodotti jaslu Malta minn pajjiżi barranin, u dan b’mod negattiv” 

B’referenza għad-dejn pubbliku u d-deficit, Psaila qal li dan tal-aħħar huwa previst li se jonqos gradwalment fis-snin li ġejjin u minkejja li bħalissa jinsab fuq ir-rata ta’ tlieta fil-mija rikjesta mit-trattat ta’ Maastricht, il-fatt li d-dejn inżamm taħt ir-rata ta’ sittin fil-mija, dan ifisser li l-Gvern għandu garanzija li jista jibqa jamministra l-finanzi tal-pajjiz mingħajr indħil min-naħa tal-Kummissjoni.

B’referenza għal dan, il-Ministru tal-Finanzi kkonferma li r-rata tad-deficit għandha tonqos b’0.5 fil-mija kull sena għas-snin li ġejjin sakemm tinżel taħt it-3 fil-mija. Psaila qal ukoll li wieħed irid jżomm f’moħħu li s-sussidju li l-Gvern qed jagħti fuq il-prezzijiet tal-enerġija, fjuwil u ċereali qed iżżid ir-rata tad-deficit b’mod sostanzjali, b’aktar minn żewġ punti perċentwali. 

Il-Budget għas-sena 2024, kien forsi l-aktar wieħed soċjali ta’ Gvern Laburista fl-aħħar għaxar snin. Roderick qal li l-Ministru tal-Finanzi għamel żgur sabiex jara li parti sostanzjali tan-nefqa tal-Gvern tkun allokata għal min jiflaħ l-inqas.

Minbarra l-għajnuna fis-sussidju fuq il-fjuwils, li se tkun ta’ għajnuna li tolqot lil kulħadd, dan il-Budget iffoka fuq dawk li jifilħu l-inqas fosthom dawk bil-minimum wage. Kien hemm żieda fil-COLA, żieda fil-penzjonijiet, żidiet ohra għal min jiflaħ l-anqas, fejn Psaila elenka ż-żieda addizzjonali fuq il-COLA, li minnha se jgawdu kwazi mitt elf persuna. 

Meta mistoqsi bħala espert fil-finanzi liema kienu l-iktar miżuri tal-Budget li laqtuh, Psaila qal li ħa pjair ħafna bil-miżura tal-istart ups li tista’ tagħmel differenza kbira. Qal li huwa wieħed minn dawk li jħares pożittivament lejn l-istart ups u jemmen li jekk inkunu attenti, nistgħu nibdew inħarsu lejn l-istart ups bħala industrija emerġenti. Qal ukoll li din l-industrija hija strumentali biex tidentifika niċeċ ġodda u li jkollhom bżonn sostenn biex jikbru. 

Psaila qal; “Nieħu pjaċir li nara l-Gvern jindirizza settur emergenti bhal ma hu dak tal-istart ups u nħares il-quddiem biex nara eko-sistema tinbena madwar dan is-settur, li tkun tinkludi network ta’ konsulenti li joffru s-servizzi tagħhom lill-istart ups b’xejn biex jgħinuhom jimxu l-quddiem u jkunu success”

Bħala individwu li jaħdem fil-finanzi, preżentament bħala konsulent u qabel b’karriera ta’ bankier għal tletin sena, Roderick jemmen li s-settur finanzjarju lokalment jista’ jikkontribwixxi għat-tkabbir fl-ekonomija b’diversi modi.

Apparti t-tkabbir fis-settur innifsu li qed jiġi esperjenzat minn wara li ħriġna mil-lista l-griża, Psaila jsostni li jekk jirnexxielna nattiraw banek speċjalizzati biex joperaw lokalment u jagħtu servizz lil industriji partikolari, dan jista’ jattira kumpaniji barranin biex jirrilokaw f’pajjizna propju minħabba s-servizzi bankarji offruti.

Sport