It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea jfisser progress u ħolqien ta’ ġid għal kulħadd. Dan sostnieh il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew wara laqgħa mal-imsieħba progressivi mill-pajjiżi kandidati tal-Balkani tal-Punent. Matul din il-laqgħa, il-Grupp esprima l-appoġġ tiegħu għat-tkabbir tal-UE bħala parti mill-proġett ta’ paċi tal-UE.
Il-leader tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, Iratxe García spjegat kif sa mill-2004, fl-għaxar pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni, il-faqar fost it-tfal naqas minn 41% għal 17%, il-faqar komplessiv naqas bin-nofs, il-pagi rduppjaw u nħolqu sitt mijun post tax-xogħol ġdid.
“L-Ewropa fissret aktar prosperità, aktar demokrazija u aktar opportunitajiet”, spjegat García.
Madankollu, hija insistiet li biex l-Unjoni tkompli miexja ‘l quddiem, din ma setgħetx tibqa’ titmexxa b’sistema fejn il-voti jittieħdu b’unanimità, iżda kien hemm bżonn ta’ votazzjonijiet b’maġġoranza kwalifikata.
“Aħna impenjati favur din ir-riforma, biex Ewropa futura ta’ 37 stat tkun tista’ twieġeb b’mod effettiv għal kriżijiet u sfidi globali”, insistiet Garcia.
Fil-preżent il-pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea huma l-Albanija, il-Bożnija, il-Ġorġja, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, it-Turkija u l-Ukrajna. Filwaqt li l-proċess miexi b’ritmu differenti għall-pajjiżi kollha, fil-każ tat-Turkija, fl-2018, il-Kunsill Ewropew kien iddeċieda li fid-dawl ta’ nuqqasijiet marbuta mat-tħaddim ta’ sistemi demokratiċi, tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-indipendenza tal-ġudikatura, in-negozjati kienu jinsabu weqfin.
Fi stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru nstab li maġġoranza ta’ ċittadini Ewropej (56%) huma favur it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea. Dan l-appoġġ huwa saħansitra akbar fost iż-żgħażagħ, b’madwar żewġ terzi ta’ persuni bejn 15 u 39 jemmnu li l-kandidati għal sħubija għandhom jidħlu fl-Unjoni la darba jilħqu l-kundizzjonijiet meħtieġa.



