Proprju fl-aħħar jiem seħħ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija. Ftehim li permezz tiegħu it-Tuneżija se tingħata xejn inqas minn €1 biljun. Ftehim li ġab reazzjonijiet imħalta b’mod partikolari dwar il-politika barranija tal-Unjoni Ewropea.
Dan il-ftehim ma tistax tieħdu waħdu. Trid tarah fil-kuntest ta’ dak li kien qed iseħħ fit-Tuneżija fejn jidħlu id-drittijiet umani u d-drittijiet tal-ħaddiema. Hu ftehim li fih l-Ewropea qed twarrab il-ksur tad-drittijiet umani li seħħew fit-Tuneżija fl-aħħar xhur u tagħżel li tiffoka biss fuq ċerti aspetti. Dan qiegħed isir għax fil-politika barranija tal-Unjoni Ewropea m’hemm ebda etika. Hi ħasra li l-politika barranija Ewropea, qed tibqa’ waħda dgħajfa ħafna. L-etika fil-politika barranija tal-istess Unjoni Ewropea, jiġiferi li tkun politika li tiddefinixxi l-prinċipji u l-prattiċi ta’ relazzjonijiet internazzjonali ibbażati fuq ir-rispetti lejn id-drittijiet umani, hi nieqsa ħafna.
M’hemm ebda dubju li dan il-ftehim sar fi żmien ħażin. Dan għaliex dan hu żmien li fih għadd ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema kellhom jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli kawżati mill-Gvern Tunezin. Kellna per eżempju is-Segretarju Ġenerali tal-ETUC, Esther Lynch li hi stess tkeċċiet mit-Tuneżija b’ordni tal-President Tuneżin Kais Saied. Dan kien ftit tal-ġimgħat ilu. Dan sar sempliċiment għax hi attendiet protesta paċifika għad-drittijiet tat-trade unions.
Dan il-ftehim mat-Tuneżija, kienet opportunità mitlufa għall-Unjoni Ewropea. Dan għax l-Unjoni Ewropea setgħet użat dan il-ftehim bħala opportunità biex tara li t-Tunezija tirrispetta id-drittijiet umani tal-ħaddiema, tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u anke tal-ħaddiema migranti – li bħlaissa qed jiffaċċjaw sitwazzjoni mill-aktar diffiċli meta għaddejja persekuzzjoni sħiħa kontrihom u ħafna inqabdu u kienu deportati lejn id-deżert bejn il-Libja u t-Tuneżija.
Il-mod kif aġixxiet l-Unjoni Ewropea fin-negozjati għal dan il-ftehim, u l-mod kif warrbet ċertu kwistjonijiet umani, juri li l-Unjoni Ewropa għalqet għajnejha għal assalt mill-Gvern Tuneżin fuq l-unions Tuneżini u l-ħaddiema tagħhom. Mhux hekk biss iżda issa qed jidher biċ-ċar li qed tħalli lil istess Gvern Tuneżin jitratta b’mod ħażin ħaddiema terzi.
Fl-aħħar ġimgħat u xhur, unions Tuneżini b’mod partikolari il-UGTT kienu qegħdin ikunu appoġġjati minn unions barranin għall-ġlieda li kienu għaddejjin biha. Fl-aħħar xhur u ġimgħat kien hemm tensjoni kbira bejn unions u gvern fit-Tuneżija. Kien hemm l-arrest ta’ l-uffiċjal ta’ UGTT Anis Al Kaabi, liema arrest sar sempliċiment għax sar strajk legali u leġittimu. Mhux hekk biss imma kien hemm it-tkeċċija ta’ uffiċjali ta’ trade unions u anke proċeduri legali kontra rappreżentanti tal-ħaddiema. Apparti dan, bdiet tintuża l-liġi tal-infurzar biex issegwi u tirrestrinġi attivitajiet marbutin mat-trejdunżjoniżmu.
Hi ċara l-kampanja li hemm għaddejja fit-Tuneżija biex tkisser ir-reżistenza tal-unions kontra l-politika ekonomika tal-gvern. Bħalissa f’dan il-pajjiż hi l-union UGTT li tinsab fuq quddiem biex tiddefendi id-demokrazija Tuneżina.
Hi ħasra li l-Unjoni Ewropea ma użatx in-negozjati għal dan il-ftehim biex dan il-pajjiż ġar tagħna jibda jara li jirrispetta id-drittijiet umani taċ-ċittadini tiegħu, ta’ dawk li jaħdmu fit-tredjunjoniżmu u tal-ħaddiema terzi fl-istess pajjiż.