Moise Kean irnexxielu jitkeċċa 40 sekonda wara li daħal fil-ground bħala sostitut għal Juventus fit-telfa ta’ 1-0 kontra Roma … iżda dan mhuwiex rekord tas-Serie A.
L-internazzjonali Taljan ġie introdott mill-coach Max Allegri fid-89 minuta u dam preċiżament 40 sekonda qabel intwera l-karta l-ħamra għal ritaljazzjoni fuq Gianluca Mancin.
B’mod notevoli, din mhix l-aktar tkeċċija veloċi li qatt saret fis-Serie A, għaliex ir-rekord huwa ta’ Giuseppe Lorenzo, li tkeċċa wara biss 10 sekondi għal Bologna fid-9 ta’ Diċembru 1990 meta ntwera l-ħamra għal daqqa ta’ minkeb fuq il-player ta’ Parma, Luigi Apolloni.
Kean ġie “megħlub” ukoll minn Giulio Migliaccio, li dam 32 sekonda għal Atalanta fir-rebħa ta’ 3-0 fuq Palermo fis-6 ta’ Diċembru 2015.
Din kienet l-ewwel karta ħamra fil-karriera ta’ Kean fis-Serie A, iżda tkeċċa għal Everton f’rebħa tal-League Cup barra minn darhom kontra Huddersfield fl-24 ta’ Awwissu 2021.