Sunday, October 27, 2024

IT-TKEĊĊIJA TAD-DIPLOMATIĊI

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem rajna kif għadd ta’ pajjiżi Ewropej iddeċidew li jkeċċu diplomatiċi Russi minn pajjiżhom. Kif mistenni r-Russja irritaljat u ħabbret li lienet qed tkeċċi 15-il diplomatiku Olandiż, li ddikjarathom ‘persona non grata’. Dawn ingħataw ġimagħtejn ċans biex jitilqu mill-pajjiż. Ma’ dawn, ir-Russja tat ukoll l-istess ammont ta’ żmien lid-diplomatiċi Belġjani.  Id-diplomatiċi tal-Awstrija ukoll ingħataw ftit jiem żmien biex jitilqu mill-pajjiż. 

It-tkeċċija tad-diplomatiċi Awstrijaċi, tispikka aktar meta wieħed iqis li dan l-kanċillier ta’ dan il-pajjiż, Karl Nehammer kien l-ewwel mexxej Ewropew li żar lil Putin hekk kif seħħet l-invażjoni tal-Ukrajna. Wieħed jistenna aktar azzjonijiet mir-Russja u dan għax hemm pajjiżi bħall-Ġermanja u anke Franza li keċċew diplomatiċi Russi.

F’pajjiżna ukolll kien hemm min beda jistaqsi dwar jekk pajjiżna hux se jkeċċi lid-diplomatiċi Russi f’pajjiżna. Kien hemm min kien qed jistenna dan minn ħin għall-ieħor. Wieħed irid iżomm f’rasu li Malta hi pajjiż żgħir u ma nemmnux li jkun pass għaqli li jitkeċċew diplomatiċi minn pajjiżna. Fuq kollox wieħed irid jifhem li l-am baxxata f’Moska hi ambaxxata żgħira u f’każ li l-ambaxxatur ikollu jitlaq ikun hemm problema kbira biex jitkompla x-xogħol konsolari f’pajjiż li fih hemm diversi Maltin jgħixu, apparti li f’pajjiżna hawn ukoll komunità ta’ persuni Russi li minn żmien għal żmien jiġu bżonn l-ambaxxata Maltija. 

Nemmnu li kien pass tajjeb li l-Ministru għall-Affarijiet Ian Borg spjega s-sitwazzjoni lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna.  Nifhmu li pajjiżi kbar, u li l-ambaxxati tagħhom huma ferm u ferm akbar minn tagħna, jieħdu l-pass li jkeċċu d-diplomatiċi. Wieħed jifhem li dan isir biex tinħoloq aktar pressjoni, imma mill-banda l-oħra pass bħala dan li jagħmel hu li jkun qed jirrestrinġi l-kommunikazzjoni fi żmien meta din hi importanti ħafna. 

Hu normali fi żmien ta’ gwerra li d-diplomatiċi jiltaqgħu aktar bejniethom u dan bil-għan li jippruvaw isibu soluzzjoni jew biex jiffaċilitaw kuntatti bejn kapijiet ta’ stati. Passi ta’ tkeċċijiet ta’ diplomatiċi żgur mhux se jgħinu biex isiru kuntatti simili, tant bżonnjużi fi żmien ta’ gwerra.

Rajna kif ir-Russja fl-aħħar jiem keċċiet 18-il delegat tal-Unjoni Ewropea, pass li ovvjament juri l-istat li jinsabu fih bħalissa r-relazzjoni bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea. 

Fl-aħħar jiem ukoll kellna l-aħbar li saret talba biex il-President tal-Ukrajna Zelensky jindirizza l-Parlament Malti. Din qajmet diversi reazzjonijiet. Kien hemm min ma naqasx li juri nuqqas ta’ qbil u anke tħassib għal xi ħaġa bħal din.

Nifhmu li f’dan il-pajjiż mhux imdorrijin b’affarijiet simili. Forsi ukoll għax għal ħafna snin ma kellna ebda kunflitt daqshekk qawwi fuq art Ewropea.

Lil hinn minn x’wieħed jaħseb, hi pjuttost normali li jsiru dawn it-tip ta’ inizjattivi. L-istess kif inhu normali li kapijiet ta’ stati imorru f’pajjiżi jew żoni fejn ikun hemm gwerra jew aggressjoni. L-istess kif hu  normali li l-pajjiżi jiltaqgħu ma’ xulxin, anki forsi mingħajr ħafna daqq ta’ trombi u dan biex anke jippruvaw isibu soluzzjoni. 

Il-fatt li saret talba biex Zelensky jindirizza l-Parlament, nemmnu li bl-ebda mod ma tfisser li Malta qed tikser in-newtralità tagħha.  Li tkun newtrali ma jfissirx li ddawwar wiċċek in-naħa u ma tagħtix każ xi jkun għaddej. li tkun newtrali ma jfissirx li tiġi taqa’ u tqum minn dak li jkun għaddej. 

Malta mhix parti minn Nato. In-newtralità ta’ Malta tfisser li militarment ma tieħu ebda pożizzjoni. In-newtralità hi importanti ħafna f’dan iż-żmien għax permess tagħha l-pajjiż jista’ jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. In-newtralità ta’ pajjiżna tgħinna ukoll biex pajjiżna ma jispiċċax jiġi użat minn xi pajjiż ieħor, jew li xi pajjiż fi gwerra juża faċilitajiet f’pajjiżna bħal portijiet.

Pajjiżna hu parti mill-Unjoni Ewropea u dan iwassal biex pajjiżna jrid isegwi d-direttivi Ewropej u anke s-sanzjonijiet li hemm.

Quddiem dan kollu t-tama tagħna hi li dan il-kunflitt jieqaf illum qabel għada. Nemmnu li bħal kull ħaġa oħra soluzzjonijiet hemm. Il-mistoqsija li tqum hi kemm hemm rieda miż-żewġ naħat fi gwerra, biex jitħaddmu dawn is-soluzzjonijiet u tieqaf it-tbatija bla qies li għaddej minnha l-poplu Ukren.

Sport