Saturday, December 14, 2024

It-tmexxija tal-BOV tiltaqa’ mal-azzjonisti f’laqgħa ta’ informazzjoni

Aqra wkoll

Bħalma kien imħabbar aktar qabel, matul il-jum tal-bieraħ il-Bank of Valletta organizza sessjoni ta’ informazzjoni għall-azzjonisti tiegħu ġewwa l-lukanda Hilton f’San Ġiljan. Matul din is-sessjoni, li għaliha attendew numru sostanzjali ta’ azzjonisti, ġew diskussi bosta temi relatati mal-operat tal-bank, b’mod partikolari dwar il-ftehim milħuq fil-każ Dieulemar, fejn il-Bord tad-Diretturi, immexxi miċ-Chairman, Dr Gordon Cordina, wieġeb għall-mistoqsijiet kollha li sarulu mill-azzjonisti.

Ġiet mogħtija wkoll informazzjoni dwar il-pjanijiet kummerċjali li għandu l-Bank kemm fl-immedjat kif ukoll fil-futur, kif ukoll dwar kif il-Bank kien ta’ sostenn qawwi għall-ekonomija tal-pajjiż matul il-pandemija. Dr Cordina spjega fid-dettall lill-azzjonisti kif il-Bank beħsiebu jtejjeb is-servizz offrut lill-klijenti tiegħu biex permezz ta’ dan it-titjib ikompli jilħaq l-aspirazzjonijiet tagħhom u fl-istess waqt isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala l-akbar bank fil-pajjiż.

Fi tmiem din is-sessjoni, Dr Cordina esprima s-sodisfazzjon tiegħu għad-diskussjoni li seħħet matul din il- laqgħa. “Kien ta’ pjaċir għalija, kif ukoll għal Bord tad-Diretturi u l-Kumitat Eżekuttiv, li wara nuqqas ta’ sentejn, nerġgħu niltaqgħu fiżikament mal-azzjonisti tagħna. Kellna diskussjoni matura li matulha tajna spjegazzjoni dwar diversi temi mressqa mill-azzjonijisti, kif ukoll ressaqna ‘l quddiem il-pjanijiet tagħna għal futur. Kienet sessjoni li matulha stajna ninnutaw ir-rieda, kemm tagħna bħala t-tmexxija tal-Bank, kif ukoll tal-azzjonijisti, biex il-Bank of Valletta jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala l-akbar bank f’Malta.”

Ekonomija

Sport