Tuesday, December 24, 2024

It-tmexxija tal-club ta’ Newcastle United taħt skrutinju

Aqra wkoll

Il-club ta’ Newcastle United jinsab taħt skrutinju meta tfaċċaw dubji ġodda dwar l-akkwist tal-club għal £305 miljun wara li ċ-chairman Yasir Al Rumayyan ġie deskritt bħala ‘ministru  tal-gvern Sawdi’ f’dokument ippreżentat lill-qorti fl-Istati Uniti.

Il-Fond ta’ Investiment Pubbliku (PIF) tal-Arabja Sawdija xtara sehem ta’ kontroll fil-club ta’ Newcastle f’Ottubru 2021, iżda l-ftehim ingħata l-permess wara li l-Premier League rċieva ‘assigurazzjonijiet legali’ li r-Renju tal-Arabja Sawdija ma jkollu ebda kontroll fuq il-club.

Madankollu, il-PIF qed jikkontesta proċeduri biex jipproduċi dokumenti f’kawża fl-Istati Uniti li tinvolvi l-PGA Tour u l-LIV Golf, filwaqt li jargumenta li l-fond innifsu u l-gvernatur tiegħu Al Rumayyan ‘mhumiex partijiet terzi ordinarji’.

Dokument ippreżentat nhar it-Tlieta, jgħid li: “L-ordni hija ksur straordinarju tas-sovranità ta’ stat barrani li huwa ‘l bogħod milli jkun iġġustifikat hawn. Il-PIF u l-Eċċellenza Tiegħu Yasir Othman Al Rumayyan mhumiex partijiet terzi ordinarji suġġetti għal livelli bażiċi ta’ rilevanza.

“Huwa strument sovran tar-Renju tal-Arabja Sawdija u ministru  tal-gvern Sawdi biex b’hekk ma jistgħux jiġu mġiegħla jipprovdu xhieda u dokumenti fi proċediment tal-Istati Uniti sakemm l-imġieba tagħhom – mhux ta’ LIV jew ta’ ħaddieħor – ma tkunx tassew tal-ogħla awtoritá f’pajjiżhom.”

Ekonomija

Sport