Friday, November 22, 2024

It-tmiem ta’ Leonardo Bonucci ma’ Juventus?

Aqra wkoll

L-aħbar li qed jiġi eskluż mill-iskwadra ta’ Juventus hija sinjal ta’ kemm waqa’ lura Leonardo Bonucci fi żmien qasir ħafna, iżda wkoll twissija li wasal iż-żmien li jdendel iż-żarbun.

Sorsi qalu li Bonucci mhux biss tneħħa minn captain iżda anke ġie maqtugħ mill-iskwadra, tant li se jkollu jitħarreġ separatament minn sħabu u se jibqa’ barra mit-tour ta’ qabel l-istaġun fl-Istati Uniti.

Huwa approċċ diffiċli, iżda wieħed li Juventus finalment ħassew li kellhom jaddottaw peress li ma kinux lesti jagħtu ħjiel sottili li ż-żmien tiegħu mal-club kien spiċċa.

Filwaqt li d-difensur jista’ jaħseb li jista’ joqgħod fuq il-bank għall-istaġun kollu, jagħti ordnijiet bħallikieku kien diġà l-assistent coach ta’ Massimiliano Allegri u kien captain bil-bibien magħluqa fid-dressing-room, il-Bianconeri ma kinux lesti li jħallsu €12-il miljun gross għal sena ta’ dak biss.

Skond il-media Taljana, anke wara li Bonucci kien infurmat li mhux se jmur l-Istati Uniti, xorta ħassu kunfidenti li seta’ jaħdem iktar u jbiddel id-deċiżjoni ta’ Allegri. Meta l-aġent tiegħu qed ifittxlu clubs ġodda, huwa jaħseb biex jilgħab regolarment ħalli jiżgura li jkun jista’ jissejjaħ f’forma tajba għall-parteċipazzjoni tal-Italja fil-Euro 2024.

Dak hu l-ħsieb delużjonali tal-player ta’ 36 sena, li għandu jaċċetta li l-club u l-karriera internazzjonali tiegħu għamlu l-kors tagħhom.

Madankollu ma għaddiex żmien wisq wara li Bonucci għajjat ‘Eat more pasta’ fil-kamera, wara li skorja l-goal tad-draw għall-Italja fil-finali tal-Euro 2020 f’Wembley Stadium, u jiżżufjetta bil-partitarji tal-Ingilterra għall-insulti kontinwi tas-soltu tagħhom. ‘Arriviamo a Roma’ kienet l-għajta l-oħra tiegħu dak il-lejl sentejn ilu biss.

Iż-żmien jibda jimmarka aktar malajr hekk kif tixjieħ, u Bonucci naqas milli jirrealizza li sentejn huma ‘ftehim’ tajjeb ħafna f’dan l-istadju tal-karriera tiegħu. Fl-istaġun li għadda, huwa għamel biss 26 dehra kompetittiva għall-Bianconeri, anke waqt kriżi ta’ injury li rat players jiddebuttaw ġimgħa iva u ġimgħa le.

Mhux biss psikoloġiku, Bonucci sempliċement ma kienx l-istess player minn meta Giorgio Chiellini ħalla t-team. Huwa aktar imprudenti u suxxettibbli għall-iżbalji li jistgħu jiġu evitati, l-’inbieħ’ kostanti tiegħu ta’ ordnijiet kemm fil-ground kif ukoll barra jsir irritanti aktar milli jispira.

Wieħed ikollu s-sensazzjoni li Bonucci dejjem qies lilu nnifsu bħala player ferm aħjar milli fil-fatt hu jew li qatt kien. Li tkun kapaċi tpoġġi blalen fit-tul b’mod preċiż hija ħila kbira għal midfielder, iżda meta tkun fid-difiża ċentrali, għandek bżonn aktar minn hekk.

It-tilwima ma’ Allegri bdiet eżattament fl-2017, meta famużament intbagħat joqgħod fuq banketta fl-istands, bħala l-imqareb fil-klassi. Bonucci telaq, għamel pass tajjeb lejn Milan u falla, sena wara rritorna b’denbu bejn saqajh. Ma tantx dam, reġa’ lura għall-kuraġġ tas-soltu u huwa l-oppost ta’ figura li tillidja, kollu ftaħir u bla direzzjoni.

Il-Euro 2020 kienet esperjenza mill-isbaħ, iżda Chiellini raha bħala l-aħħar hurrah u kellu raġun. U minkejja li Bonucci xorta jipprova jibqa’, issa huma Allegri u Roberto Mancini li jridu jeħilsu minnu. Huwa għall-ġid tiegħu u tat-timijiet li jħalli warajh.

Sport