Sunday, November 24, 2024

It-tnaqqis fl-emmissjonijiet prijorità fid-diskussjonijiet tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul iltaqgħu mal-imsieħba soċjali sabiex jiġi diskuss il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2022. Dan id-dokument, flimkien mal-Programm ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza, jiġu sottomessi lill-Kummissjoni Ewropea mill-istati membri kollha f’April.

F’dawn id-dokumenti, l-istati membri jirrappurtaw dwar il-politiki li qed jimplimentaw u bi ħsiebhom jadottaw sabiex jagħtu spinta lill-impjiegi u lit-tkabbir, jipprevjenu jew jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi, il-pjanijiet tagħhom biex jiżguraw konformità mar-regoli fiskali tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll il-progress li qed isir fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi mogħtija lilhom.

Il-Ministru Clyde Caruana qal li, “F’dan il-programm ta’ riforma, hemm aċċenn għat-tnaqqis fl-emmissjonijiet u kif ukoll il-mod kif l-ekonomija ta’ pajjiżna trid tiġi riformata biex tindirizza dan kollu. Illum qed niddiskutu dan fl-isfond fejn id-dinja nbidlet kawża tal-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja. Minkejja dan it-tibdil, l-Unjoni Ewropea se tibqa’ eżiġenti biex it-tragwardi ambjentali jibqgħu kif kienu stabbiliti. Dan ifisser li l-isforzi li rridu nagħmlu se jkunu sostanzjali sabiex pajjiżna jasal fejn mixtieq.”

Il-Ministru Caruana tkellem ukoll dwar l-isfida tal-inflazzjoni li dan il-kunflitt ġab miegħu. Huwa spjega kif ir-rata tal-inflazzjoni fuq livell Ewropew diġa laħqet is-7.5% filwaqt li ċertu pajjiżi anke laħqu l-livell ta’ 15%. F’pajjiżna, minkejja li din ir-rata żdiedet matul l-aħħar ġimgħat, xorta baqgħet l-inqas rata fost il-pajjiżi Ewropej. Dan l-effett xorta qed jinħass fuq il-familji u n-negozji, iżda l-gvern se jkompli jalloka ammonti kbar ta’ riżorsi sabiex jerfa’ l-piż taż-żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwils u prezzijiet oħra.

Il-Ministru Caruana qal li l-gvern se jibqa’ jagħmel dak kollu possibbli sabiex anke f’dan iż-żmien jibqa’ jissalvagwardja l-istruttura tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

“Xogħolna huwa li naraw li dak li jintqal f’dawn il-laqgħat jasal għand il-gvern, u li mbagħad il-gvern jieħu konsiderazzjoni ta’ dak kollu li jkun intqal waqt dawn il-laqgħat,” stqarr is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, fl-ewwel indirizz tiegħu f’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Huwa saħaq li se jara li d-djalogu soċjali f’pajjiżna jkompli jissaħħaħ u li l-imsieħba soċjali jkomplu jkunu involuti b’mod sħiħ fid-deċiżjonijiet li jkunu qed isiru fil-pajjiż f’oqsma differenti, fosthom dawk ekonomiċi, soċjali u ambjentali f’pajjiżna. Dr Ellul irrikonoxxa l-ħidma li qed issir fi ħdan dan il-kunsill.

Waqt l-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li bħala politiku ġdid jixtieq jasal fejn, bis-sehem ta’ kulħadd, kapaċi li jkollna viżjoni li tkun ta’ għajnuna mhux biss fi żminijiet ta’ taqlib globali; bħal żminijiet ta’ pandemija, żminijiet ta’ gwerra, u anke saħansitra ta’ tfixkil fejn jidħlu s-supply chains, imma kull meta jeħtieġ il-bżonn. Dr Ellul stieden lill-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jużaw din l-opportunità sabiex permezz ta’ dan l-eżerċizzju konsultattiv dwar l-abbozz tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għas-sena 2022, infasslu t-triq ’il quddiem fuq bażi ta’ soluzzjonijiet komuni, li nkomplu nibnu fuq il-progress li għamel pajjiżna bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea. Dr Ellul saħaq li, “Grazzi għal din l-opportunità, il-gvern se jkun qiegħed, flimkien mas-sħab soċjali, jiddetermina l-passi li jmiss għal pajjiżna.”

Is-Segretarju Parlamentari Ellul ikkonkluda li, “L-interess komuni għandu jkun wieħed; li pajjiżna jimxi ’l quddiem, u li niesna jimxu ’l quddiem.”

Sport