Huwa stmat li t-tnaqqis fil-finanzjament tal-Istati Uniti f’għajnuna umanitarja se jwassal għal 2,000 infezzjoni ġdida tal-HIV-Aids kull jum u aktar minn sitt miljun mewt matul l-erba’ snin li ġejjin.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-UNAids Winnie Byanyima wissiet li d-deċiżjoni tal-gvern Amerikan li jwaqqaf l-għajnuna barranija diġà qed ikollha konsegwenzi devastanti f’diversi pajjiżi tal-Afrika, u n-nisa u l-bniet kienu qed jintlaqtu b’mod partikolari.
Hija rrimarkat ukoll li t-tnaqqis fil-fondi se jreġġa lura l-ġlieda globali kontra l-HIV, li rat in-numru ta’ mwiet mill-marda jonqos minn aktar minn żewġ miljuni fl-2004 għal 600,000 fl-2023.
Il-President Amerikan Donald Trump ħabbar il-waqfien ta’ l-għajnuna barranija, fl-ewwel jum tiegħu fil-kariga ta’ president f’Jannar bħala parti minn reviżjoni fl-infiq tal-gvern. Il-maġġoranza tal-programmi tal-Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali (USAID) minn dak iż-żmien ġew mitmuma.
Minn dakinhar ukoll, bosta programmi ta’ trattament mediku u prevenzjoni tal-HIV li kienu ffinanzjati mill-Istati Uniti ġew mitmuma u wasslu għall-għeluq tal-kliniċi tal-omm u t-trabi fl-Afrika u nuqqasijiet serji ta’ mediċini anti-retrovirali li jsalvaw il-ħajja.
Byanyima qalet li wara t-tnaqqis fil-finanzjament mill-Istati Uniti, il-biża hija li l-pajjiżi milquta jitreġġgħu lura għas-snin 90, meta l-medikazzjoni għall-HIV bilkemm kienet disponibbli f’pajjiżi fqar u l-infezzjonijiet u l-imwiet żdiedu.
L-Istati Uniti għal snin twal kienet l-akbar finanzjatur uniku tat-trattament u l-prevenzjoni tal-HIV, u d-Direttur Eżekuttiv tal-UNAids Byanima rringrazzjat lil Washington għall-ġenerożità u l-umanità tagħha.
Hija żiedet li kien raġonevoli għall-Istati Uniti li tnaqqas il-finanzjament tagħha gradwalment, iżda qalet li l-irtirar f’daqqa tal-appoġġ għas-salvataġġ tal-ħajja tan-nies kien qed ikollu impatt devastanti.
Sadanittant, donaturi tradizzjonali Ewropej ukoll kienu qed jippjanaw li jnaqqsu l-finanzjament tagħhom, u l-UNAids – l-aġenzija konġunta tan-NU li tiġġieled il-marda tal-HIV – ma kellha l-ebda indikazzjoni li hemm pajjiżi oħra li jistgħu jidħlu biex jimlew il-vojt li ħalliet l-Istati Uniti.