L-importanza tal-ħarsien tal-ambjent tibqa’ waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-Gvern preżenti. Dan qed narawh bil-ħidma li qed issir biex ikollna aktar spazji miftuħa l-aktar fi bliet urbani fejn ftit li xejn imdorrijin naraw siġar u ġonna fihom.
Il-ħarsien tal-ambjent iżda jirrigwardja wkoll il-baħar u l-kosta Maltija, u minn żmien għal żmien jinħolqu kampanji biex nieħdu ħsieb dawn il-postijiet li f’dan iż-żmien li deħlin fih tas-sajf, jiżdied l-iffullar fihom kemm mill-Maltin u anke mit-turisti.
Ta’ min jgħid li madwar l-Ewropa, bejn 150,000 u 500,000 tunnellata minn 25 miljun tunellata ta’ skart tal-ippakkjar qed jispiċċa fil-baħar, b’theddida għall-ambjent tal-baħar u tal-kosta Ewropea, inkluża dik Maltija.
Nemmnu li fl-aħħar snin sar titjib f’dan il-qasam, li parti minnu huwa dovut għal inizjattivi ta’ edukazzjoni sa minn età żgħira, fejn dawk li jipparteċipaw saħansitra jkunu preżenti f’postijiet bħalma huma dawn l-istess bajjiet biex jesperjenzaw mill-qrib id-differenza ta’ bajja jew ramla safja mill-iskart u dik li jista’ jkollna mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna.
Fejn jidħol l-ambjent fejn hemm in-natura ħajja fil-baħar, ħafna drabi nisimgħu dwar inizjattivi li jissalvagwardjaw il-fkieren mill-materjal bħalma huwa l-plastik u xbieki li jintefgħu b’irresponsabbiltà minn xi wħud fil-baħar.
Sfortunatament, dawn mhumiex l-uniċi speċi li huma mhedda mill-irresponsabbiltajiet umani fejn jidħol ir-rimi tal-iskart fil-baħar u għal dan il-għan nemmnu li ma’ dak li diġà sar u li qed ikompli jsir, jeħtieġ li jiżdiedu kampanji edukattivi fuq firxa aktar wiesgħa tal-abitat ta’ dawn l-ispeċi fil-baħar.
Nemmnu li l-iskema tar-rifużjoni tal-kontenituri u x-xorb kienet pass fid-direzzjoni t-tajba u qiegħda tgħin biex jonqos il-plastik mit-toroq kif ukoll minn fuq il-bajjiet. Għalhekk, għandna nibqgħu ninkoraġġixxu inizjattivi ta’ din ix-xorta anke issa li dħalna fl-istaġun tal-festi, fejn l-iskart iġġenerat ikun wieħed akbar mis-soltu.
B’sodisfazzjon ninnutaw ukoll li stħarriġ riċenti wera wkoll li aktar nies qed jagħmu użu minn materjal sostenibbli sabiex jevitaw l-użu żejjed ta’ plastik li jintuża darba. Minkejja li għad baqa’ ħafna aktar xi jsir, wieħed ma jistax ma japprezzax l-isforzi li qed isiru mhux biss mill-Gvern u anke minn individwi u entitajiet privati biex kemm jista’ jkun jitnaqqas ir-rimi tal-iskart, partikolarment dak tal-plastik.