Monday, November 24, 2025

“It-tnaqqis konsiderevoli fit-taxxa għall-ġenituri hu intervent bi ħsieb”

- Caritas Malta

Aqra wkoll

“Caritas Malta tqis dan il-Budget bħala wieħed soċjalment sensittiv u b’intervent sinifikanti bit-tama li familji Maltin ikollhom iktar tfal. Filwaqt li ż-żieda fid-dħul weħidha, mhux neċessarjament twassal lill-familji biex ikollhom iktar tfal, it-tnaqqis konsiderevoli fit-taxxa għall-ġenituri hu intervent bi ħsieb u ta’ min ifaħħru u jagħti messaġġ ċar tal-valur tat-tfal fis-soċjetà tagħna.”

Hekk stqarret Caritas Malta f’reazzjoni għal Budget 2026 li ressaq il-Gvern.

Caritas Malta tgħid ukoll li filwaqt li kienu ħafna l-miżuri soċjali li se jkunu ta’ sostenn għall-individwi u l-familji, “dan l-isforz jista’ jidgħajjef jekk kemm-il darba ma jkunx hemm salvagwardja għall-ambjent soċjali u naturali madwarna permezz ta’ infurzar effettiv.”

Fi stqarrija Caritas Malta nnutat diversi miżuri soċjali li se jgħinu ħafna lill-familji. Caritas tgħid li “lill-hinn mit-tnaqqis sinifikanti tat-taxxa għall-familji b’żewġ ulied, dan hu Budget soċjalment sensittiv fost oħrajn, minħabba ż-żieda fiċ-Children’s Allowance għall-familji bi dħul baxx; iż-żidiet filbenefiċċji għall-familji inkluż dawk fejn hemm diżabbilità; l-investiment fiċ-ċentri ġodda ta’ saħħa mentali u l-inclusion hub; żidiet għall-pensjonanti; l-Equity Sharing, First Time Buyers Scheme u Nikru biex Nassistu. 

“Caritas tilqa’ bis-sħiħ il-miżuri li jżidu €10 fil-ġimgħa għall-klijenti tar-riabilitazzjoni u erba’ snin ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal min itemm b’suċċess il-programm, bħala passi pożittivi li jsaħħu r-reintegrazzjoni u d-dinjità ta’ dawk li qed jaħdmu biex jibnu ħajjithom mill-ġdid. L-istess ilkonsultazzjoni pubblika dwar il-protezzjoni tat-tfal mill-impatt tal-midja soċjali hija pass pożittiv biex jitħarsu t-tfal online.”

Il-Caritas tgħid ukoll li hija se tibqa’ sejjaħ għall-bżonn ta’ servizz speċjalizzat ‘low threshold’ għal persuni bla saqaf li huma vulnerabbli minħabba dipendenza fuq id-droga flimkien ma’ problemi severi ta’ saħħa mentali; kif ukoll il-bżonn ta’ secure unit għall-adolexxenti bi mġiba perikoluża għalihom u għal ta’ madwarhom. Dan biex ikun hemm alternattiva ġusta għall-ħabs jew l-isptar għall-kura tas-saħħa mentali għal dawn iż-żgħażagħ.

L-istqarrija tgħid li Caritas tasal għal konklużjoni li dan il-Budget  ikompli jsaħħaħ il-welfare state f’Malta u jagħti messaġġ qawwi favur il-valur tat-tfal fil-familji tagħna, b’ħafna miżuri b’potenzjal li jwieżnu dawk bi dħul baxx u dawk vulnerabbli. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport