Saturday, November 23, 2024

It-tnedija ta’ AgriConnect

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali nieda servizz ta’ pariri u ta’ konsulenzi professjonali sabiex il-bdiewa u r-raħħala jkunu jistgħu jiġu assistiti f’aspetti varji li jolqtu l-agrikoltura. Dan is-servizz se jiġi offrut minn dak li se jkun magħruf bħala AgriConnect.

Waqt konferenza stampa f’razzett f’Ħal Qormi, il-Ministru Anton Refalo esprima sodisfazzjon għat-tnedija ta’ din l-inizjattiva u qal li permezz ta’ AgriConnect, fi ħdan id-Direttorat għall-Agrikoltura hemm sezzjoni rikonoxxuta fuq livell Ewropew biex tagħti pariri tekniċi.

“Permezz ta’ dan is-servizz se nkomplu ngħinu lil dawn il-ħaddiema Maltin u Għawdxin jiksbu suċċessi f’din l-industrija mhux biss minn perspettiva lokali iżda wkoll f’qafas Ewropew”, qal il-Ministru Refalo.

AgriConnect kisbet ir-reġistrazzjoni biex tiffunzjona bħala Servizz ta’ Konsulenza għall-Biedja (FAS) u biex tassigura li l-bdiewa u r-raħħala joperaw f’konformità.

Is-servizzi offruti għandhom l-għan li jappoġġaw lill-bdiewa biex jiksbu l-konformità u r-rekwiżiti tekniċi kollha meħtieġa ħalli jkollhom aċċess għal tipi differenti ta’ finanzjament u appoġġ konsultattiv li jistgħu jgħinuhom jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ diversifikazzjoni, jipproduċu prodotti ta’ kwalità għolja u / jew innovattivi u tekniċi tal-biedja, u biex jippjanaw u jistrutturaw in-negozju tal-biedja tagħhom b’mod effettiv f’kull aspett.

Fir-rigward tal-Politika Agrikola Komuni, il-bdiewa se jiġu mgħejuna sabiex jidentifikaw il-kwistjonijiet u jiġu pprovduti linji gwida dwar il-Miżuri tal-Klima Agro-Ambjentali (CC) u Agrikambjent (AECMs). Qed jiġi pjanat ukoll li jibdew jingħataw pariri fir-rigward ta’ Miżuri ta’ Żvilupp Rurali (RDMs) fil-futur qrib.

Is-servizz komplet offrut minn AgriConnect lill-bdiewa hu bla ħlas u mogħti minn esperti kwalifikati fil-qasam agrikolu, biex b’hekk jiġu żgurati t-trasparenza u grad għoli ta’ appoġġ tekniku u konsultattiv. AgriConnect jaħseb għall-formulazzjoni ta’ pjani ta’ fertilizzanti u crop plans. Il-bdiewa huma offruti wkoll pariri xierqa biex ikunu konformi mar-regolamenti attwali filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż operattivi.

AgriConnect għandha l-għan ukoll li tikkatalizza l-miri tal-għanijiet tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali (PDR) fir-rigward tal-profittabilità fit-tul u l-prestazzjoni ambjentali billi tgħin lill-bdiewa jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-PDR attwali (2014-2020) u li jmiss (2021-2027).

Dan is-servizz mhux biss iservi biex jinċentiva lill-bdiewa eżistenti, iżda jista’ jservi wkoll biex jinkoraġġixxi lil ġenerazzjonijiet iżgħar biex jibdew il-biedja bħala karriera billi juru l-benefiċċji kollha disponibbli għalihom, inklużi fondi allokati speċifikament lil bdiewa ġodda.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jikkonsulta s-sit www.agriconnect.gov.mt.

Sport