Stħarriġ li sar mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) sab li r-ristoranti qablu sew mat-tneħħija tal-projbizzjoni fuq it-tipjip u li l-iskema tal-vawċers tal-Gvern għenet ukoll fil-prestazzjoni tagħhom.
Il-vouchers tal-Gvern, immirati biex jgħinu l-ekonomija matul il-perjodu mqalleb tal-Covid-19, bdew jitqassmu nhar it-8 ta’ Lulju li għadda. “S’issa l-vawċers ma wasslux għan-numri mistennija għalkemm xorta waħda huma ta’ għajnuna fis-sitwazzjoni preżenti,” qalet l-Assoċjazzjoni.
Fil-fatt, 10% ta’ dawk li wieġbu fl-istħarriġ qalu li 51-75% tal-bejgħ tagħhom kien ġej mill-iskema tal-vawċers, bil-maġġoranza (50%) jgħidu li 1-25% biss tal-bejgħ kien magħmul mill-vawċers. Mill-banda l-oħra, kien hemm 25% li ddikjaraw li bejn 26 u 50% tal-bejgħ tagħhom kien ġej minn dawn il-vawċers.
Meta mistoqsija jekk l-iskema tal-vawċers kinitx ta’ għajnuna għall-irkupru tar-ristoranti, 17.5% wieġbu li kienu jaqblu sew ma’ dan, 55% wieġbu li jaqblu u 5% biss qalu li ma jaqblux mal-iskema. Fost dawn kien ukoll ammont sinjifikanti ta’ ristoranti li għadhom ma aċċettawx il-vawċers peress li ma rċevewx l-ittra rreġistrata biex iniżżlu l-app.
Dwar it-tneħħija tal-projbizzjoni tat-tipjip, 27.5% qalu li jaqblu magħha u li rriżultat f’aktar bejgħ metri kien hemm 15% oħra li qalu li jaqblu bis-sħiħ ma’ din il-tneħħija. 17.5% ta’ dawk li wieġbu qalu li ma biegħux aktar wara li tneħħiet din il-politika. Il-kumplament ma kellhom ebda opinjoni dwar din il-kwistjoni.
Intant, il-maġġoranza (57.5%) ta’ dawk li wieġbu qalu li ma jridux li terġa’ tiddaħħal il-projbizzjoni fuq it-tipjip, waqt li 17.5% qalu li jixtiequ li din terġa’ tiddaħħal mill-ġdid fir-restoranti.
Barra min hekk, 80% wieġbu li ma rċevew l-ebda lment minn klijenti oħra minħabba nies li jpejpu waqt li jkunu bilqegħda fuq l-imwejjed minn meta tneħħiet din il-projbizzjoni.
“Din l-istatistika tindika li t-tneħħija tal-projbizzjoni fuq it-tipjip, kif ukoll l-għoti tal-vawċers għenu l-maġġoranza l-kbira tar-ristoranti, iżda għad hemm ħafna affarijiet li jridu jiġu indirizzati fosthom l-ammont u l-perjodu ta’ żmien allokati mal-iskema tal-wage supplement,” qalet l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering.
“Bl-industrija tat-turiżmu għadha qed tirkupra, is-sitwazzjoni għadha waħda delikata ħafna, iżda ċerti problemi bħal żmien twil ta’ stennija għar-reġistrazzjoni tal-vawċers għandhom jiġu rranġati, billi dan jista’ jtemm it-tmexxija ta’ diversi ristoranti u stabbilimenti oħra tal-ikel.”