Monday, September 15, 2025

It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-art tal-Lukanda Fortina mill-Gvern

Aqra wkoll

Illum waranofsinhar, l-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, awditu investigattiv dwar ‘It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-art tal-Lukanda Fortina mill-Gvern’.

Fl-1991, fl-1996 u fl-2000, il-Gvern biegħ diversi biċċiet ta’ art f’Tas-Sliema lil Fortel Services Ltd għall-estensjoni tal-Lukanda Fortina. F’April tal-2017 u f’Diċembru tal-2018, Fortina talbet li jitneħħew ċerti kundizzjonijiet li kienu qed jirrestrinġu l-użu u l-iżvilupp tas-sit. Din it-talba ġiet approvata mill-Parlament f’Lulju tal-2019, kontra ħlas ta’ €8,100,000. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) eżamina l-proċess li wassal għar-revoka ta’ dawn ir-restrizzjonijiet sabiex jara jekk ġietx osservata l-liġi, ġiex imħallas valur ġust, u ġewx segwiti l-prinċipji ta’ governanza tajba.

Fl-2017, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet ta’ dak iż-żmien ħatar tliet periti biex jevalwaw parti mis-sit li għaliha ntalbu t-tneħħija tar-restrizzjonijiet. Il-valur stmat kien ta’ €8,100,000. Wara r-riżenja tal-Kap Eżekuttiv fl-2018 u l-kunflitt ta’ interess iddikjarat mill-Kap Eżekuttiv il-ġdid, il-Bord tal-Gvernaturi (BoG) assuma rwol attiv fl-iproċessar tat-talba ta’ Fortina. Sa tmiem l-2018, il-BoG innota li ma ġewx evalwati r-restrizzjonijiet kollha u li kien hemm żball fit-tnaqqis tat-taxxa fuq dokumenti suġġetti għat-taxxa.

Minkejja li ma kien hemm ebda evidenza ta’ komunikazzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u Fortina, fi Frar tal-2019, Fortina ressqet kontroproposta ta’ €2,700,000 ibbażata fuq il-valutazzjoni tal-Awtorità, u ġibdet l-attenzjoni li partijiet tas-sit ma kinux ġew evalwati. L-ebda spjegazzjoni ma ngħatat minn xi waħda mill-partijiet dwar kif Fortina kisbet il-valutazzjoni tal-Awtorità tal-Artijiet.

Bl-għarfien tan-nuqqasijiet fil-valutazzjoni tal-Awtorità, f’Marzu 2019, il-BoG impjega ditta ta’ awditjar sabiex tivvaluta t-talbiet kollha ta’ Fortina. Mingħajr skambju bejn il-partijiet, fl-10 ta’ Ġunju 2019, Fortina infurmat lill-BoG li kienet lesta tħallas €8,100,000 lill-Gvern bħala kumpens għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet.

Dan ġie diskuss mill-BoG fl-14 ta’ Ġunju 2019, li ddeċieda li jibgħat id-dokumentazzjoni rilevanti lill-Ministru, minkejja li l-valutazzjoni tad-ditta tal-awditjar kienet għadha ma waslitx. Dan kien ta’ tħassib għall-NAO, għax il-ftehim intlaħaq bla evidenza ta’ negozjati bejn il-partijiet u d-differenza fil-valuri kienet sostanzjali. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-BoG li jinforma lill-Ministru kienet illoġika peress li n-nuqqasijiet fil-proċess tal-valutazzjoni kienu għadhom mhux indirizzati.

Fis-17 ta’ Ġunju 2019, iċ-Chairman tal-BoG informa lill-Ministru u lis-Segretarju Parlamentari bid-deċiżjoni tal-Bord. L-NAO nnota li din il-korrispondenza ma kinitx konformi mal-obbligi tal-Bord kif stabbiliti fl-Att dwar l-Awtorità tal-Artijiet, li jitlob li l-BoG jagħmel rakkomandazzjoni lill-Ministru.

Minkejja dak li ġie rrappurtat fil-minuti tal-BoG, l-NAO kkonferma li r-rapport tal-valutazzjoni tad-ditta tal-awditjar kien fil-fatt tlesta u ppreżentat liċ-Chair. Il-valur stmat kien ta’ €18,341,559, rivedut għal €23,887,942 jekk il-ħlas ikun differit sakemm jitlesta l-iżvilupp. Valutazzjoni indipendenti miksuba mill-NAO ikkonfermat valur ta’ €21,000,000.

L-akbar tħassib tal-NAO huwa li l-valutazzjoni kienet miżmuma miċ-Chairman u dan kien ta’ detriment għall-interess pubbliku. B’mod anomalu, il-ħlas lid-ditta tal-awditjar ġie ridirett u awtorizzat miċ-Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Wara li t-talba ġiet riferuta lill-Ministru u s-Segretarju Parlamentari, ġie ppreżentat memorandum lill-Kabinett, li kien approvat fis-27 ta’ Ġunju 2019. Ftit wara ġiet riferuta riżoluzzjoni parlamentari lill-Kumitat tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Peress li ma ntlaħaqx qbil unanimu, skont il-proċedura parlamentari, il-kwistjoni marret Plenarja.

Fis-17 ta’ Lulju 2019, il-Plenarja approvat it-tneħħija tar-restrizzjonijiet mitluba, bi ħlas ta’ €8,100,000. L-Att notarili rilevanti ġie ffirmat fis-26 ta’ Lulju 2019. Ir-responsabbiltà prinċipali għan-nuqqasijiet identifikati kienet tal-Awtorità tal-Artijiet, anki jekk tali responsabbiltà f’livell ħafna anqas testendi lil hinn mill-Awtorità, peress li l-proċess li wassal għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-art tal-Lukanda Fortina fl-aħħar mill-aħħar kien jinvolvi partijiet oħra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport