Thursday, December 26, 2024

It-Tnejn tkun diskussa l-ħatra ta’ Angelo Gafà bħala Kummissarju tal-Pulizija

Aqra wkoll

Ma ntbagħtet l-ebda mistoqsija bil-miktub mill-Oppożizzjoni

Minn CLAUDIO COLEIRO

Is-smigħ tas-Sur Angelo Gafà għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija mistenni li jsir għada t-Tnejn  fis-2.00 p.m., quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

inewsmalta tinsab infurmata li hekk kif fl-aħħar jiem għalaq il-perjodu li fih setgħu jsiru l-mistoqsijiet bil-miktub lis-Sur Gafà, kienu biss il-membri min-naħa tal-Gvern li ssottomettew il-mistoqsijiet waqt li l-membri tal-Oppożizzjoni baqgħu ma bagħtu l-ebda mistoqsija. 

Minn tagħrif li rnexxielna niksbu jirriżulta li f’din il-leġislatura nħatru b’kollox 25 persuna bejn ambaxxaturi kif ukoll persuni f’awtoritajiet pubbliċi. Il-ħatra tagħhom kienet approvata wara diskussjoni fl-istess kumitat bil-parteċipazzjoni taż-żewġ naħat tal-kamra.

F’dawn is-sessjonijiet, il-membri tal-Oppożizzjoni dejjem ipparteċipaw billi fost oħrajn bagħtu l-mistoqsijiet bil-miktub minn qabel bid-differenza tal-aħħar nomina tas-Sur Gafà fejn sa minn ġimgħat ilu l-Oppożizzjoni ddikjarat in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fid-diskussjoni.

Meta kkuntattjat minna, il-President tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi, Anthony Agius Decelis, stqarr li l-Oppożizzjoni għandha d-dritt kostituzzjonali li tieħu sehem f’din id-diskussjoni. 

“L-Oppożizzjoni għandha opportunità li turi kemm verament temmen fir-rule of law. Is-Sur Gafà se jkun il-kap ta’ waħda mill-istituzzjonijiet l-iktar importanti f’pajjiżna. Iffaċċjati b’din ir-realtà, il-PN qed jaħrab mir-resposabbiltà tiegħu. Din hi proċedura ġdida li se żżid it-trasparenza u l-ħatriet pubbliċi importanti f’dan il-pajjiż,” tenna Agius Decelis.

Is-Sur Gafà kien wieħed miż-żewġ kandidati referuti lill-Kabinett b’mod unanimu mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku wara sejħa pubblika li nħarġet u wara li ntemm il-proċess ta’ evalwazzjoni għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Il-Kabinett tal-Ministri kkunsidra ż-żewġ kandidati u ddeċieda li jirreferi lil Angelo Gafà bħala l-iktar wieħed adattat għall-Kummissarju tal-Pulizija u għas-smigħ parlamentari mill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

Gafà għandu 41 sena u ilu membru fil-Korp tal-Pulizija mill-2003 meta kien daħal bħala Uffiċjal Kadett permezz tal-Iskema ta’ Reklutaġġ tal-Korp. F’April 2004, Gafà laħaq Spettur tal-Pulizija u malli nħatar kien assenjat dmirijiet investigattivi u rwol prosekutorju fit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi tal-Pulizija fejn serva sa Ġunju 2013. 

Bejn Ġunju 2013 u Diċembru 2016 serva fi ħdan is-Servizz Malti tas-Sigurtà fost l-oħrajn bħala Assistent Kap tal-Organizzazzjoni u fl-2018 ġie promoss għal grad ta’ Supretendent tal-Pulizija.

Wara sejħa pubblika, f’Diċembru 2016 is-Sur Gafà inħatar bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija liema kariga għadu jokkupa sal-lum. Qabel ma daħal fil-Korp tal-Pulizija, is-Sur Gafà kien it-Tieni Logutenent fil-Forzi Armati ta’ Malta. Huwa kien ikklassifika l-ewwel fl-eżami tad-dħul fil-Forzi Armati kif ukoll f’dak tal-Pulizija ta’ Malta.

Ekonomija

Sport