Fis-16-il ġimgħa ta’ tqala t-tobba kienu taw l-aħbar lil Zofia Fenrych li qatt ma kienet qiegħda tistenna.
Iċ-ċkejkna li kienet qiegħda ġġorr fil-ġuf kienet żviluppat difett serju f’qalbha u l-parir tal-professjonisti kien li t-tqala tiġi terminata.
Madanakollu Zofia ta’ 41 sena u s-sieħeb tagħha ta’ 50 sena rrifjutaw li jmorru għal din l-għażla.
Din l-għażla wasslet biex iċ-ċkejkna Dorothea twieldet f’Ġunju li għadda u bdiet battalja kontra l-mewt.
Minkejja operazzjoni serja f’qalbha li saħansitra waqfet tiffunzjona għal siegħa sħiħa, it-tarbija ta’ erba’ xhur qiegħda tegħleb kull previst.
L-omm qalet li tinsab verament sodisfatta li ċ-ċkejkna qiegħda tiġġieled din il-battalja u li bħal donnha trid turi li safejn hemm it-tama kollox possibbli.
Dorothea issa se tkun qiegħda tagħmel operazzjoni serja oħra u li l-ġenituri tagħha diġà qed jiġbru l-fondi għaliha.
Il-ġenituri qalu li l-fatt li waslu s’hawn għalihom huwa pass kbir anke minħabba l-fatt li ħadd ħliefhom ma basar li binthom kienet se tegħleb kull ostaklu.