Sunday, December 22, 2024

It-Topo jammetti li rrifjuta milli jikxef il-kompliċi fl-attentat ta’ hold up tal-HSBC fl-2010

Aqra wkoll

Daren Debono t-Topo tressaq il-Qorti fejn ammetta li rrifjuta, waqt li kien taħt ġurament, milli jidentifika l-kompliċi kollha tiegħu fl-attentat ta’ serqa fuq il-bank HSBC fl-2010.

L-Uffiċjal Prosekutur, l-Ispettur Mario Xiberras sejjaħ diversi xhieda fosthom rappreżentanti tal-Qorti biex jixhdu dwar is-seduta tal-Ħamis fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu. 

F’dik is-seduta quddiem il-Maġistrat Monica Vella, Debono saħaq li kien se jixhed biss kontra l-akkużat u ma kienx se jsemmi l-allegati kompliċi tiegħu, minħabba li kien qed jibża’ għas-sigurtà tal-familja tiegħu.

Debono kien ġie kkundannat 10 snin ħabs dwar l-involviment tiegħu fl-attentat bil-kundizzjoni li jsemmi min kienu dawk involuti fil-każ.

Fis-seduta tal-Ġimgħa, l-Avukat Edward Gatt, li flimkien mal-Avukat Ishmael Psaila qed jidher għal Debono, argumenta li l-klijent tiegħu kien ħa l-ġurament kif mitlub u kien ikkonferma wkoll li Muscat kien allegatament involut fil-każ, daħal fil-bank u ntlaqat b’arma tan-nar. “Għalhekk ma setax jinżamm ħati li rrifjuta milli jixhed,” qalet id-Difiża li talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tagħha, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona.

Il-Qorti wara li semgħet is-sottomissjonijiet, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Il-Qorti ordnat ukoll li l-akkużat jinżamm arrestat sat-Tnejn filgħodu, fejn dakinhar mistennija tingħata s-sentenza fil-konfront tiegħu.

Ekonomija

Sport