Friday, December 13, 2024

“It-Topo” jeħel sitt xhur ħabs għax ma kkoperax

Aqra wkoll

Daren Debono magħruf bħala “t-Topo” kien ikkundannat sitt xhur ħabs u mmultat €4,600 wara li naqas milli jikkopera meta ssejjaħ biex jixhed kontra Vince Muscat, l-allegat kompliċi fl-attentat ta’ serqa fuq il-bank HSBC fl-2010. 

Is-sentenza ngħatat it-Tnejn filgħodu wara li Debono kien tressaq il-Qorti l-Ġimgħa, 24 siegħa wara l-ordni maħruġa mill-Maġistrat Monica Vella, li kienet ordnat l-arrest u l-investigazzjoni immedjata tiegħu meta rrifjuta milli jsemmi l-allegati kompliċi f’dan il-każ.

Debono kien ukoll weħel 10 snin u nofs ħabs b’rabta mal-involviment tiegħu fl-attentat ta’ serqa bil-kundizzjoni li jixhed kontra Muscat. Fix-xhieda tiegħu, Debono qal li kien lest jixhed biss kontra Muscat u ma riedx isemmi persuni oħra filwaqt li nsista “ma rridx inpoġġi ħajjet ibni fil-periklu.” 

Meta huwa tressaq il-Qorti l-Ġimgħa, l-Avukat tiegħu, Edward Gatt, argumenta li Debono kien ingħata l-ġurament u pprovda wkoll informazzjoni dwar l-allegat involviment ta’ Muscat fl-attentat ta’ serqa. “Jista’ xi ħadd jagħtih tort li jinsab imbeżża’?” argumenta l-Avukat.

Debono llum nstab ħati u kien ikkundannat piena ta’ sitt xhur priġunerija talli naqas milli jikkopera, bid-Difiża tgħid li se tkun qiegħda tappella mis-sentenza.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mario Xiberras.

Ekonomija

Sport