Friday, November 15, 2024

It-Torri tax-Xlendi jinfetaħ għall-pubbliku wara li ġie restawrat

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri, inawguraw il-proġett ta’ restawr u konservazzjoni fuq it-Torri tax-Xlendi b’valur ta’ €355,000 kofinanzjat b’fondi Ewropej.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “permezz ta’ dan il-proġett ġiet ippreservata binja storika importanti oħra f’Għawdex u komplejna nżidu mal-prodott turistiku li toffri l-gżira Għawdxija bil-għan li nkomplu nattiraw bosta turisti ta’ kwalità u nkomplu nsaħħu wkoll l-ekonomija Għawdxija. Ir-restawr ta’ siti bħal dawn se jibqgħu prijorità għal dan il-Gvern li jagħraf li l-wirt storiku ta’ pajjiżna għandu jinżamm fl-aħjar stat possibbli.”

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett enfasizza l-importanza tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna wara li tlestew ix-xogħolijiet fuq it-Torri ta’ Xlendi. Dan ir-restawr ser iservi wkoll ta’ benefiċċju għat-turiżmu f’Għawdex hekk kif huwa mistenni li dan it-torri ser jibda jattira madwar 10,000 viżitatur fis-sena.

“Bl-għajnuna tal-fondi Ewropej, flimkien mal-ħidma tal-Kunsill lokali tal-Munxar, irnexxielna inbiddlu sit inaċċessibbli għal attrazzjoni storika, filwaqt li nikkonservaw il-wirt nazzjonali tagħna. Dan se jkun ta’ benefiċċju mhux biss għat-turisti iżda wkoll għall-komunità,” tenna s-Segretarju Parlamentari Bonett.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-Gvern kommess li jkompli jiffinanzja lill-kunsilli lokali għal restawr fuq postijiet storiċi sabiex il-wirt kulturali ta’ pajjiżna jibqa’ jiġi apprezzat mill-ġenerazzjonijiet futuri. “Permezz ta’ dan ir-restawr fuq dan it-torri mhux biss qed noħolqu valur ġdid f’din il-lokalità, iżda dan it-Torri ser jservi ta’ attrazzjoni għall-Għawdxin, Maltin u kif ukoll turisti li jżuru x-Xlendi,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

It-Torri tax-Xlendi huwa l-eqdem torri f’Għawdex, li nbena fl-1650 fi żmien il-Gran Mastru Lascaris. Matul ir-restawr instabu xi affreski li kienu mgħottija fosthom tpinġijiet ta’ kurċifiss, knisja u gandlieri li issa ġew ukoll ippreservati minn restawraturi professjonali. Dawn ikomplu jikkumplimentaw l-istorja ta’ dan it-torri li issa, li jinsab lura fil-glorja tiegħu, huwa stmat li jkollu madwar 10,000 viżitatur fis-sena.

Ekonomija

Sport