L-ingaġġ ta’ ħaddiema fil-Korp tal-Pulizija huwa essenzjali u ta’ investiment għas-sigurtà u l-ordni tal-pajjiż. Dan rajnih bħala stat ta’ fatt f’dawn il-ġranet waqt is-summit tal-OSCE fejn is-sigurtà kemm tal-Ministri u uffiċjali għolja li ġew f’pajjiżna, kif ukoll tal-poplu, kienet miżmuma b’suċċess. Sena wara l-oħra, dan l-investiment sar ukoll fir-riżorsi umani fejn jidħol it-total ta’ ħaddiema fil-Korp tagħna. Kważi kull sena, mill-2004, dan l-ammont żdied biex f’din is-sena, sal-14 ta’ Novembru, jirriżulta numru rekord ta’ ħaddiema fil-Korp tal-Pulizija b’total ta’ 2,405 persuna.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri f’risposta għal interpellanza li saritlu mid-Deputat tal-PN, Davina Sammut. Dan ġie kkonfermat minn kelliema tal-Korp tal-Pulizija fejn spjegat li, “il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta huwa impenjat li jibqa’ jsaħħaħ ir-riżorsi umani tiegħu anke f’konformità mal-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni (2020-2025) li għandha l-għan li żżid il-viżibbiltà, is-sħubija mal-komunità u s-sigurtà pubblika. Iż-żieda fin-numru totali tal-pulizija għal rekord ta’ 2,405 tirrifletti dan l-impenn u tiżgura li l-Korp ikun ippreparat aħjar biex jindirizza l-bżonnijiet dejjem jevolvu tas-soċjetà tal-lum”. Fil-fatt, hekk kif qiegħed jiġri, dan it-tkabbir huwa wkoll rifless f’sejħiet kontinwi li joħroġ il-Korp matul is-sena, filfatt bħalissa hemm miftuħa sejħa għall-ingaġġ ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija, sejħa intiża biex il-Korp tal-Pulizija jattira individwi li jissieħbu magħhom u li huma lesti jaqdu lill-komunità tagħhom b’dedikazzjoni u integrità.
Mill-2010 kien hemm żieda konsistenti
F’tabella li l-Ministru Camilleri ppreżenta fil-Parlament bl-informazzjoni mitluba sena b’sena mill-2004 sa din is-sena, jirriżulta li fl-2004 it-total ta’ ħaddiema fil-Korp tal-Pulizija kien ta’ 1,936. Dan l-ammont ma kienx l-inqas. L-inqas ammont kien ġie rreġistrat sentejn wara, jiġifieri fl-2006 b’total ta’ 1,914.
Fis-snin ta’ wara, jiġifieri fl-2007, 2008 u 2009 it-total ta’ ħaddiema fil-Korp kienu ta’ 2,092, 2,020 u 1,975 rispettivament.
Mill-2010 iż-żieda fin-numru tal-ħaddiema fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta kienet fil-maġġorparti tagħha konsistenti. Fil-fatt, fis-sena msemmija l-ammont kien ta’ 2,044. L-informazzjoni tkompli bl-2011 b’total ta’ 2,046, żieda ta’ żewġ ħaddiema mis-sena preċedenti. Fl-2012 l-ammont niżel għal 2,020 (26 inqas), mentri fl-2013 dan reġa’ tela’ għal 2,062. Is-sena ta’ wara n-numru ta’ ħaddiema fil-Korp tal-Pulizija tagħna kienu 2,268; fl-2015 2,267; fl-2016 dan kien ta’ 2,295 ħaddiema; fl-2017 it-total kien ta’ 2,373; 2018 jirriżulta li kien hemm 2,391 persun mentri, fl-2019 kien hemm b’kollox 2,379 ħaddiema fil-Korp.
Kif qlibna għas-sena 2020 l-investiment fir-riżorsi umani fil-Korp kompla fejn fis-sena msemmija kien hemm 2,344 ħaddiema. Is-sena ta’ wara l-ammont kien ta’ 2,314; fl-2022 dan kien ta’ 2,290 u fl-2023 it-total tal-ħaddiema kien ta’ 2,344. Imbagħad, fejn jirrigwarda din is-sena, minkejja li d-data ma tkoprix is-sena kollha, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta rreġistra l-akbar ammont ta’ ħaddiema, kif għidna, total ta’ 2,405 ħaddiema.