It-total ta’ każi globali ta’ infezzjonijiet ta’ Covid-19 issa laħqu ċ-ċifra ta’ 60 miljun. Statistika miġbura mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters qiegħda turi li n-numru ta’ infezzjonijiet ġodda qegħdin jiżdiedu b’mod allarmanti fejn l-Istati Uniti qiegħed ikun hemm numri rekord ta’ persuni li qed ikollhom jiddaħħlu l-isptar għall-kura. L-uffiċjali tal-Istati Uniti, li huwa l-iktar pajjiż affettwat mill-pandemija, ħeġġew lill-poplu Amerikan biex jibqa’ d-dar matul il-festa ta’ Thanksgiving li ħabtet ilbieraħ. Il-każijiet ġewwa l-Istati Uniti qed ipoġġu pressjoni sostanzjali fuq is-sistema tas-saħħa tal-pajjiż.
F’inqas minn ġimgħa l-Istati Uniti kellha madwar miljun każ ġdid biex hekk in-numru totali ta’ infezzjonijiet kemm ilha li bdiet il-pandemija tela’ għal 12.5 miljun filwaqt li n-numru ta’ mwiet huwa ta’ 260,000. L-aħħar statistika qiegħda turi li ċ-ċifra globali hija ta’ 60.005 miljun infezzjoni u 1.4 miljun mewt minn kemm ilha li bidiet il-pandemija.
Analiżi tad-dejta ta’ Reuters turi li r-rata ta’ infezzjonijiet ġodda qiegħda tiżdied globalment. Biex in-numru ta’ infezzjonijiet żdied minn 50 miljun għal 60 miljun ħa biss 17-il ġurnata, dan meta mqabbel mal-21 jum bejn iċ-ċifra ta’ 40 miljun u 50 miljun. Matul l-aħħar ġimgħa, globalment kienu qed jiġu rrapportati 580,000 każ kuljum. Ġewwa l-Ewropa fl-aħħar ħamest ijiem kienu rrapportati miljun każ ġdid, biex b’hekk it-total ta’ infezzjonijiet f’dan il-kontinent issa qabżu s-16-il miljun. Fost dawn kien hemm 365,000 mewt minn kemm ilha li bdiet il-pandemija.
L-iktar ħames pajjiżi Ewropej li kellhom infezzjonijiet s’issa tul din il-pandemija huma: ir-Russja (2,162,503), Franza (2,153,815), Spanja (1,594,844), ir-Renju Unit (1,538,794) u l-Italja (1,455,022).
Min-naħa l-oħra, l-iktar ħames pajjiżi Ewropej li kellhom imwiet s’issa matul din il-pandemija huma: Ir-Renju Unit (55,838), l-Italja (51,306), Fran- za (50,237), Spanja (43,668) u r-Russja (37 538).
Il-Gvernijiet madwar l-Ewropa qegħdin isibuha diffiċli biex jimponu r-restrizzjonijiet li tant hemm bżonn u fl-istess waqt iħallu lill-familji jiċċele- braw il-festi tal-Milied.