Wednesday, December 25, 2024

It-traffiku tal-MIA għall-ewwel kwart tal-2022 baqa’ 44% taħt il-livelli tal-2019

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 316,713-il passiġġier f’Marzu li għadda u b’hekk it-traffiku totali għall-ewwel kwart tal-2022 tela’ għal kważi 673,000 moviment tal-passiġġieri. Dan it-total kien 44.1% aktar baxx mit-traffiku li ġġestixxa l-ajruport fl-istess perjodu fl-2019.

In-numru ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn Malta baqa’ 35.4% taħt il-livelli tal-2019, filwaqt li s-seat load factor (SLF), li jkejjel kemm minn dawn il-postijiet kienu okkupati, laħaq medja ta’ 65.5% għall-ewwel kwart tas-sena. Dan is-SLF kien 10.2% taħt il-livelli tal-2019.

L-aqwa suq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-ewwel tliet xhur tas-sena kien l-Italja bi ftit anqas minn 125,000 moviment tal-passiġġieri rreġistrati. Ir-Renju Unit okkupa t-tieni post bi kważi 119,000 moviment tal-passiġġieri, filwaqt li t-traffiku kumulattiv tas-suq Franċiż, Ġermaniż u Pollakk ammonta għal 174,838 moviment tal-passiġġieri.

Minn fost dawn l-aqwa ħamest iswieq, ir-Renju Unit u l-Polonja ħabbru t-tneħħija għalkollox tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19 fuq l-ivvjaġġar lejn dawn iż-żewġ pajjiżi f’Marzu. Sa issa, huma 14 dawk il-pajjiż li bħalissa huma konnessi mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta permezz ta’ titjira diretta u li neħħew ir-restrizzjonijiet tagħhom.

Filwaqt li r-riżultati tal-grupp ta’ ajruporti Ewropej għall-ewwel kwart tal-2022 għadhom ma ġewx ippubblikati, ir-riżultati għal Jannar u Frar juru li fl-ewwel xahrejn tas-sena Malta kien għadha qiegħda tirkupra b’rata aktar baxxa mill-kompetituri diretti tagħha.

Ekonomija

Sport