Monday, January 6, 2025

IT-TRAFFIKU… X’JEĦTIEĠ ISIR?

Aqra wkoll

Hekk kif ġie fi tmiemu l-perjodu festiv tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena, ħafna ħaddiema jirritornaw lura għax-xogħol u l-istudenti lura fuq il-bankijiet tal-iskola.

Bħalma jiġri dejjem, dan se jkun qiegħed iżid il-volum tat-traffiku fit-toroq Maltin partikolarment f’dawk it-toroq u arterjali u prinċipali li minnhom jgħaddu eluf ta’ karozzi kuljum, fis-sigħat kollha tal-ġurnata. 

Minkejja dan, l-awtoritajiet responsabbli mit-trasport, qed ikomplu jagħtu l-attenzjoni kollha għall-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw miż-żieda ta’ karozzi l-iktar dawk privati. Huwa kollu minnu li ħadd ma jista’ jsolvi l-problemi tat-traffiku mil-lejl għan-nhar iktar u iktar meta jitqies kemm karozzi ġodda qed jiżdiedu fit-toroq kuljum. 

Huwa minnu wkoll li żdiedu l-inċentivi biex ikun hemm aktar trasport alternattiv fosthom it-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, għalkemm jidher li għadha tipprevali l-mentalità li nivvjaġġaw bil-karozza privata milli t-trasport pubbliku. Dan minkejja sar titjib fil-frekwenza u s-servizz li joffri t-trasport pubbliku.

Illum bosta familji għandhom iktar minn karozza waħda u dan il-fatt jista’ jkun li jikkontribwixxi għal konġestjoni tat-traffiku u anki għal problema ta’ parkeġġ. Huwa għalhekk importanti li minflok ingergru u nikkritikaw, noħorġu b’soluzzjoni. Qatt ħsibna kemm kieku niffrankaw karozzi u traffiku jekk wieħed li jiddeċiedi li jgħaddi għal dak li jkun flok juża l-karozza privata tiegħu? Dan kemm fejn tidħol il-familja, kif ukoll għall-istudenti, il-għaliex karozza waħda hija biżżejjed u l-aqwa li jekk ikollok fejn tmur, tasal xorta.

Bla dubju, is-soluzzjoni mhijiex waħda faċli u għaldaqstant hi inġusta kull kritika li ssir għall-fatt li ħafna mit-toroq f’pajjiżna qed jinbnew mill-ġdid u jitwessgħu. B’dan però m’aħniex niġġustifikaw il-konġestjonijiet li jinħolqu minn volum tat-traffiku qawwi fit-toroq.

Fil-kuntest ta’ dan kollu, ma rridux ninsew li l-Gvern fil-ġimgħat li għaddew ressaq ukoll diversi proposti immirati li tittaffa l-konġestjoni tat-traffiku. Proposti li qed iħarsu mhux biss lejn il-preżent imma anke lejn il-futur, fosthom b’ekonomija ta’ 24 siegħa, l-ivvjaġġar b’modi sostenibbli, inċentivi biex jitaqqas l-użu tal-karozzi privati u rotot ġodda għat-trasport pubbliku.

Wieħed għandu japprezza l-isforzi li qed isiru f’dan ir-rigward. Filwaqt li nħarsu ‘l quddiem għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, huwa tajjeb ukoll li nirrikonoxxu li kull wieħed u waħda minna jeħtieġ li jagħmel l-isforz tiegħu sabiex din il-problema tittaffa.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport