Monday, February 24, 2025

It-tragward ewlieni hu ċar, li nippruvaw niktbu l-istorja u nżommu lit-tim mal-kbar tal-futbol Malti – Clive Mizzi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn mindu kont żghir kont inħobb il-futbol u nista’ ngħid li l-imħabba tiegħi għall- futbol twieldet miegħi. Bażikament ilħaqt iż-żmien sabiħ li nilagħbu fit-triqat u fl-għelieqi ta’ fejn kont noqgħod il-Mosta u minn hemm komplejt l-mixja matul iż- żminijiet kollha nilgħab futbol mat-tim tal-iskola, Ċentru Sport Edukattiv ta’ Fr Hilary eċċ, sakemm bqajt nilgħab u wara li sfortunatament kelli kundizzjoni f’ qalbi, kelli nieqaf mill-futbol u bdejt immedjatament il-kowċing.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ ta’ Melita FC.

Ma’ Melita r-rwol tiegħi hu bħala l-head coach tat-tim tal-kbar peró l-klabb tal- Melita hu tim sħiħ ta’ nies li jaħdmu bl-aħjar mod possibli flimkien. Miegħi għandi l-kollegi kowċis li naħdmu id f’id fuq it-tim tal-kbar, id-direttur tekniku li wkoll jaħdem qatigħ f’kull kategorija fil-klabb u nies dedikati mmens fil-kumitat mmexxija mill-president umli, Matthew Naudi.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?

Aħna tim promoss bħala Champions mill-BOV Challenge League s-sena li għaddiet. L-isfida fil-Malta Premier hi ikbar però grazzi għall-filosofija tal-klabb flimkien ma’ ideat oħra ġodda sa issa nistgħu nghidu li qtajna figura tajba u ma’ kull tim li lgħabna dejjem għamilna dak kollu possibli bil-limitu tagħna. Sintendi stajna għamilna aħjar f’ċerti okkażjonijiet però kollox ma’ kollox kburi bil-plejers kollha tax-xoghol li għamlu sa issa.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragward ewlieni hu ċar, li nippruvaw niktbu l-istorja u nżommu lit-tim mal-kbar tal-futbol Malti. Sintendi mhux faċli imma mhux impossibli lanqas għaliex kulħadd qed jagħmel l aħjar li jista’ kemm bħala plejers, kowċis u amministrazzjoni. 

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Din hi mistoqsija li trid ħafna u ħafna ħin biex tweġibha u skont mil-liema angolu se tħares lejha. Fuq nota negattiva sfortunatament ċerti affarijiet għadhom l-istess u d-dehra biss inbidlet. Fuq nota pożittiva tjiebu livelli bħall-kowċing, preparazzjoni fiżika u oħrajn però qabel ma tinbidel l-kulturá ta’ ‘self discipline’ flimkien mal- kulturá tagħna bħala Maltin, se ndumu biex nagħmlu passi oħra ‘l quddiem. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Bħala Melita nħossni xxurtjat li għandna wieħed mill-aqwa pitches hawn Malta, avolja xorta bħala klabb ikollna issues ta’ ħinijiet u spazji. Però, kif kulħadd jaf diversi klabbs lanqas biss għandhom l-grawnd tagħhom, jiġru ‘ hemm u ‘l hawn, jaqsmu l-pitch ma’ klabbs oħra. Hija problema għax hawn ħafna timijiet ġo pajjiż ċkejken. Però, bhala Melita nħossni xxurtjat li qed ingawdi l-mument ġo training ground tal-ogħla livell b’ambjent mill-isbaħ madwaru. 

Il-pitches fejn nilagħbu l-logħob tal-Malta Premier nista’ nghid li kemm it-Tony Bezzina Stadium, is-Centenary Stadium, il-Victor Tedesco Stadium u n-National Stadium huma kollha ta’ livell għall-futball tagħna. Sintendi kull grawnd għandu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Il-messaġġ tiegħi lil min jixtieq jilgħab il-futbol hu ċar speċjalment lill-ġenituri. Bħal kull ħaġ’oħra jew għandek passjoni jew le. Illum il-futbol m’ghadux l-uniku sport li tista’ tipprattika għalhekk il-ġenituri għandhom iħallu lit-tfal liberi biex jagħżlu l-isport li jogħġobhom u jekk ikun il-futbol li jogħġobhom għandhom ikunu għaqlin biex ikunu ta’ eżempju veru matul il-proċess ta’ kif jikbru flimkien. L-aspettattivi kbar tal-ġenituri qed iwasslu għal ħafna tfal biex xi ħin jew ieħor jieqfu, għalhekk l-element ta’ sagrifiċċji, paċenzja, umiltà lejn min jgħallimhom u l-passjoni li trid tibqa’ tbaqbaq fil-persuna għandhom ikunu l-pilastri sabiex wieħed ikompli. Jekk fil-proċess indawru jew nitilfu xi wħud milli semmejt ikun kollu ta’ xejn li wieħed għandu biss jitħajjar jibda xi sport, fil-każ tagħna l-futbol. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport