Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn ta’ etá żgħira. Ta’ tifel kont nieħu pjaċir nilgħab il-futbol u saħansitra ta’ sitt snin bdejt nitħarreg man-Nursery tal-Mosta fejn l-imħabba lejn il-futbol baqgħet dejjem tikber.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-fatt li lħaqt it-tragward tal-100 partita uffiċjali fil-karriera tiegħek?
Huwa tragward sabiħ u ta’ sodisfazzjon personali. Tragwardi bħal dawn jgħinuni nħares lura bi tbissima lejn is-sagrifiċċji u l-ħinijiet twal li jirrikjedi l-futbol minn ta’ etá żgħira. Minkejja li hu tragward sabiħ, dan in-numru ta’ logħbiet jimmotivani iżjed biex inkompli nagħmel memorji sbieħ li jġib miegħu l-futbol.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Siġġiewi FC, fejn tilgħab fir-rwol ta’ difensur.
Dan huwa r-raba’ staġun tiegħi ma’ Siġġiewi FC, fejn tgħallimt ħafna u kbirt ukoll bħala plejer. F’dan il-klabb qed inħossni parti minn proġett ta’ żvilupp fejn bħala staff tekniku, kowċis u wkoll plejers qegħdin magħqudin f’għan wieħed biex inwasslu lil dal-klabb fejn tassew jixraqlu.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Bħala kumment ġenerali l-andament tat-tim huwa wieħed pożittiv. Sa issa dan l- istaġun qegħdin nuru li sforz il-ħidma tal-istaff tekniku, kumitat u plejers, aħna kapaċi nikkompetu mal-aqwa timijiet tad-divizjoni. Għandna grupp ta’ plejers żgħażagħ li qegħdin jagħtu sehem importanti ukoll ma’ plejers oħrajn t’ esperjenza fit-tim tal-kbar, li dan jagħti kunfidenza għall-potenzjal sabiħ għal Siġġiewi FC.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Kif qiegħda turi l-istatistika tal-Amateur League II, kull tim jista’ jagħtik logħba u hemm ħafna timijiet b’punti simili fil-klassifika. It-tragward tagħna dal-istagun hu li nibqgħu nikkompetu mal-aqwa timijiet tad-diviżjoni tagħna.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Simon Agius?
Il-kowċ Simon Agius huwa kowċ b’dedikazzjoni u passjoni kbira lejn il-futbol. Huwa kowċ b’viżjoni ċara ta’ x’jixtieq mingħandna l-plejers, u jmexxina b’mod mill-aktar professjonali. Fuq kollox, kowċ Simon huwa kowċ li jisma’ u jifhem lill- plejers u lest li jaħdem mat-tim u l-kumitat biex nilħqu l-aqwa potenzjal tat-tim.
U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Roderick Farrugia?
Il-kumitat immexxi minn Roderick Farrugia bħala president huwa wieħed b’viżjoni ċara għal dan il-klabb ukoll. Minbarra l-aspett tekniku, il-kumitat huwa wieħed professjonali, fejn b’impenn sħiħ iridu li l-klabb jifforma bażi b’saħħitha għall-futur sostenibbli.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Minn lenti personali, il-livell tal-futbol Malti qiegħed narah dejjem jogħla f’kull diviżjoni. Iktar kemm jgħaddu snin, iktar qed naraw klabbs professjonali li qeghdin jgħollu l-istandards tagħhom kemm bħala organizzażzjoni, kif ukoll bħala kwalitá ta’ plejers. Dan jimbotta lil kull klabb biex jgħolli l-livell tiegħu, u saħansitra jibqa’ jogħla l-livell tal-futbol Malti.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Min-naħa ta’ Siġġiewi FC għandna grawnd full-size fejn dan jgħinna anke biex nippreparaw ruħna tattikament għal-logħob tagħna. B’ottimiżmu, il-klabb qed iħares lejn il-proġett pjanat ta’ stands ġodda, li ħa jinkludi faċilitajiet ġodda biex jgħinuna nitħarrġu b’mod aktar professjonali.
Min-naħa ta’ grawnds li nikkompetu fihom nemmen li hemm bżonn ta’ titjib f’ċerti grawnds li nilagħbu fihom, b’mod partikolari sistemi ta’ dawl meta nkunu qegħdin nilagħbu f’ħinijiet ta’ dlam.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Għall-futur tiegħi fil-futbol nixtieq li nkompli ntejjeb il-livell tiegħi b’tama u b’ motivazzjoni għal iktar tragwardi sbieħ fil-futbol.
Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Bħal kull ħaġa fil-ħajja, għas-suċċess dejjem hemm bżonn is-sagrifiċċji. Illum hemm diversi għajnuniet ta’ kowċis ta’ livell biex jgħinuk tilħaq il-potenzjal tiegħek. Barra l-aspett tekniku, biex tagħmel suċċess fil-futbol, fuq kollox irid ikollok dedikazzjoni, passjoni u mħabba kbira għall-isport!




