Tuesday, September 30, 2025

‘It-tragward tal-200 logħba fil-futbol Malti huwa wieħed sabiħ kif ukoll jagħmilni kburi li jien atleta’ – Kevin Camilleri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba għall-futbol kienet fija sa mill-bidu nett minn mindu kont żgħir. Mill-ewwel kont inħobb niġi wara xi ballun jew nara kif ħa nsib xi grupp ta’ tfal biex nilgħab magħhom. Kemm il-MUSEUM, l-iskola u f’xi attivitajiet tal-isport, kont infittex il-logħba tal-futbol kif ukoll kont insegwi t-televixin kull tmiem il-ġimgħa meta kien ikun hemm il-logħob Malti u barrani.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq it-tragward li lħaqt fil-jiem li għaddew tal-200 logħba fil-futbol Malti?

Huwa tragward sabiħ kif ukoll jagħmilni kburi li jien atleta. Barra minn hekk, inħossni wkol onorat li lgħabt f’kull livell tal-futbol Malti ma’ skwadri differenti u rbaħt promozzjonijiet ukoll matul dawn l-istaġuni. Tragwardi li mhux faċli li biex tasal għalihom … trid taħdem bla waqfien, tagħmel sagrifiċċji u tagħti l-wirjiet fil-grawnd.

X’tikkumemnta fuq il-bidu ta’ staġun minn Siġġiewi FC?

Li bdejna b’rebħa fil-Kampjonat diġá ħaġa tajba. Li tibda fuq nota tajba hi dejjem importanti biex tkun tista’ tkompli tibni fuqha. Importanti wkoll li nibqgħu nżidu l-livell u b’hekk tiġi l- kunfidenza li fil-grawnd tinżel biex tmur għar-rebħa.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragwardi ta’ Siġġiewi FC huma li bl-iskwadra li għandna b’taħlita ta’ plejers esperjenzati u dawk li għadhom telgħin mill-Minors nippruvaw inżommu mat-timijiet ta’ fuq fil-klassifika, fejn ukoll nimbottaw l-isem tal-klabb ‘il fuq kemm nistgħu!

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? Għad narawk kowċ ‘il quddiem?

B’xi mod jew ieħor li tibqa’ involut fil-futbol hi xi ħaġa dejjem sabiħa. L-isport huwa importanti kemm għas-sahha fiżika kif ukoll mentalment. Li wkoll ikollok liċenzji tal- kowċing għall-futur huwa mod prezzjuż li jżommok magħruf fil-logħba sabiħa tal-futbol.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa żgur li l-aktar ħaġa importanti hi d-dedikazzjoni kontinwa lejn dak li qed tagħmel. Importanti li l-passjoni tibqa’ ġo fik fejn iżżom id-determinazzjoni li tibqa’ tmur lejn it-taħrijġ u lest li tkompli titgħallem. Id-dixxiplina hu fatt importanti fejn iżżomm rutina ta’ dieta bnina, ħajja tajba u armonija pożittiva lejn il-ħajja ta’ kuljum. Nispiċċa billi ngħid li ladarba dħalt fil-grawnd tal-futbol, importanti li tkun qed tieħu pjaċir f’dak li qed tagħmel!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport