Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Jien bdejt nilgħab il-futbol ta’ madwar għaxar snin. Il-ġenituri bagħtuni mal-Juventus Academy ta’ Malta meta kont żgħir u minn hemmhekk bdejt nieħu l-futbol bis-serjetà. Sifirt ħafna l-Italja mal-akkademja u tgħallimt ħafna. Anki l-klabbs li lgħabt magħhom fin-nursery u mal-kbar, inħoss li għamluni l-plejer li jien illum. Però nista’ ngħidlek li minn dak iż-żmien ‘l hawn, għadni bl-istess passjoni u grinta biex nilgħab.
Kif qed tħares lejn din l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Zejtun Corinthians FC?
S’issa l-esperjenza tiegħi mal-klabb taż-Zejtun kienet waħda pożittiva immens. Veru impressjonat bl-għaqda li hemm, fejn kulħadd jiġbed ħabel wieħed u kulħadd lest li jagħmel is-sagrifiċċji li hemm bżonn biex jara l-klabb jitjieb. Kuntent ħafna, u nemmen li bl-iskwadra li għandna nistgħu nwettqu affarijiet kbar.
Kif qed tħarsu lejn dan l-istaġun li għadu kif jibda?
Ovvjament, l-istaġun huwa twil, għalhekk il-mentalità tagħna hija li nimxu logħba logħba. Li nista’ ngħidlek li m’aħna nibżgħu minn ħadd. Issa kulħadd jaf li t-tim tagħna mhuwiex inferjuri, anzi għandna tim fejn kapaċi nieħdu pjaċir.
Fil-jiem li għaddew lgħabt il-mitt logħba fil-karriera tiegħek. X’emozzjoni ħassejt?
Ħassejtni kuntent u kburi bija nnifsi, speċjalment meta matul il-karriera bqajt għaddej f’mumenti diffiċli u ma ħallejt xejn u lil ħadd jaqtagħli qalbi. Kien pass importanti fil-karriera, u eċċitat għal x’se joffri l-futur.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Jien naħseb li l-livell fil-futbol Malti bil-mod il-mod qed ikompli jiżdied. Il-lig tagħna din is-sena huwa wieħed kompetittiv għall-aħħar, fejn tista’ tgħid kull tim lest jagħtina logħba u ma tista’ taqta’ lil ħadd barra. Iva rajtu jinbidel, speċjalment meta qabel fl-Amateur dejjem kienu jiddominaw żewġ / tliet timijiet, imma aktar ma jgħaddi żmien aktar hemm bilanċ fit-timijiet, li jfisser li l-livell qed ikompli jitla’.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Il-grawnd fejn isiru s-sessjonijiet tat-taħriġ tagħna ċertament huwa wieħed li jaqdina u jgħinna nippreparaw sew għal-logħob. Rigward il-grawnds fejn nikkompetu tjiebu fil-kwalità mis-snin ta’ qabel ‘l hawn.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?
Bħala sports inġenerali, nemmen li hawn Malta l-isports ma nagħtuhx biżżejjed importanza. Bħala pajjiż jeħtieġ ikun hawn iżjed inizjattivi biex iħajru lin-nies għall-isport, speċjalment lit-tfal. Nemmen li jekk ikun hawn biżżejjed inċentivi, billi l-għaqdiet tal-isports iħajru u jimmotivaw lill-ġenituri biex jibagħtu lil uliedhom għall-isports, il-ġenerazzjoni tal-futur se jkollhom mentalità iżjed professjonali, kompetittiva u grintuża. Għaldaqstant, il-professjonalità timplika nuqqas f’vizzji ħżiena u soċjetà aktar f’saħħitha.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Jien nimxi sena b’sena. Dejjem niffoka fuq l-istaġun kontemporanju, imbagħad is-sena d-dieħla nimxi skont il-mument. Li naf żgur hu li l-futbol għalija huwa rilassament u tbegħid mill-ħajja m’għaġġla tal-lum. Jiġifieri jekk nibqa’ b’din l-imħabba li għandi lejh, għad fadalli x’nilgħab u nieħu pjaċir.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta‘ suċċess fil-futbol.
Jien tal-parir li jekk il-futbol huwa għal qalbek u ta’ passjoni, jiġri x’jiġri għandek tibqa’ għaddej. Kemm-il darba m’emmnux fija nies, kemm-il darba ma kellix aptit immur training, kemm-il darba qgħadt fuq il-bankina, kemm-il darba ħassejtni viċin biex naqta’ qalbi, però dejjem għażilt li nisma’ lil qalbi u nibqa’ niġri wara dak li jagħmilni kuntent. Dejjem għandek tisma’ mingħand min verament jixtieqlek il-ġid, il-bqija m’għandek qatt tagħti wiċċ lil dawk li ma jimpurtahomx pulzier minnek. Taqta’ qalbek qatt mill-ħolma tiegħek, u emmen fik innifsek, dejjem!