Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn meta kont żgħir kont inħobb il-futbol. Insegwi l-logħob fuq it-televixin speċjalment l-Inter, l-iskola b’xi ballun magħmul mill-karti u tape jew xi flixkun, il-MUSEUM u l-Marsa Sports Ground kull nhar ta’ Sibt. Imbagħad ta’ 13-il sena bdejt nitħarreg man-Nursery taż-Zurrieq.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq it-tragward li lħaqt tat-300 partita uffiċjali fil-karriera tiegħek?
Huwa tragward sabiħ ħafna u ta’ sodisfazzjon kbir personali għaliex juri li bil-perseveranza u s-sagrifiċċju li jirrikjedi l-futbol tista’ tasal fejn tixtieq. Apparti minn hekk, tkun tista’ tħares lura lejn memorji sbieħ ta’ rebħ, promozzjonijiet u anke ħbiberiji li tkun bnejt permezz tal-futbol.
Minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lil kull kowċ li kont nitħarreġ miegħu, għax mingħajrhom ma kontx nilħaq dan it-tragward.
Iddeskrivi ll-esperjenza issa passata tiegħek ma’ Rabat Ajax FC.
L-esperjenza passata tiegħi ma’ Rabat Ajax FC kienet waħda pożittiva avolja ntemmet qabel. Hemm tim magħqud fejn kulħadd jipprova jagħti l-almu tiegħu fil-pitch. Nemmen li dejjem tista’ tkun aħjar biex tilħaq l-għan aħħari fl-aħħar tal-istaġun.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Naħseb li l-livell tal-futbol Malti qiegħed jitjieb għaliex kull klabb qed jinvesti biex ikun jista’ jikkompeti ma’ klabbs oħrajn. Peró nemmen li hemm fejn jitjieb iktar speċjalment fis-settur tal-Youths. Opinjoni personali tiegħi fis-settur tal-Youths għandhom jiffukaw iktar fuq l-iżvilupp tal-plejer milli fuq ir-rebħ biss biex b’hekk la jikbru t-tfal ma jsibuhiex diffiċli biex jagħmlu il-qabża u għaliex le jagħmlu karriera barra minn Malta.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala grawnds li nilagħbu fihom, naħseb li l-uniku grawnd li hu tajjeb hu s-Centenary Stadium. Il-grawnds l-oħra nemmen li għandhom bżonn ta’ titjib speċjalment dawl, manutenzjoni tat-turf u anke dressing rooms.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Sfortunatament il-futur tiegħi fil-futbol dalwaqt jasal fi tmiemu imma bħalissa qed nimxi ġurnata b’ġurnata. Peró, inħares lura naraha bħala esperjenza sabiħa ħafna li bla ma trid timmissjaha.
Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Tliet kelmiet huma importanti fil-futbol: Perseveranza, passjoni u dedikazzjoni. Ikollok dawn, apparti l-aspett tekniku, jirnexxielek tasal! Taqta’ qalbek qatt u dejjem emmen fik innifsek!



