Thursday, January 22, 2026

‘It-tragward tat-300 partita huwa wieħed li jien kburi ħafna bih’ – Michael Camilleri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn etá żgħira meta kont noqgħod ħdejn l-Infetti l- grawnd ta’ Birkirkara u kont nitpaxxa nara tfal jilagħbu. Bdejt nilgħab ma’ Birkirkara ta’ tmien snin u għamilt sa 20 sena, fejn kelli l-opportunitá li niddebutta fil-Kampjonat Premier u kont ukoll parti mill-iskwadra fir-rebħ tal-Kampjonat fl-siatġun 2009/2010 u fl-istaġun segwenti ddebuttajt fil-UEFA Europa League. 

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. F’Settembru li għadda lħaqt it-tragward tat-300 partita uffiċjali fil-karriera tiegħek. X’tikkummenta rigward dan?

Tragward li jien kburi ħafna bih. Nirringrazzja ‘l Alla, lil familti, kowċis u klabbs li kont magħhom tal-fiduċja. J’Alla jkolli s-saħħa li nkompli nżid magħhom!

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mellieħa SC, fejn int ukoll il viċi-captain tat-tim.
Naħseb li f’Malta u Għawdex ftit hawn klabbs li għandhom il-faċilitajiet u l- organizzazzjoni bħal ta’ Mellieħa SC. Hawn proġett ambizzjuż u li huwa xieraq u denju ta’ dan il-klabb. Hawnhekk sibt nies ġentlomi u membri li huma bieżla biex jagħtu kontribut għall-istess għan u għall-ġid tal-klabb. Personalment ninsab kuntent li qiegħed nirraprezenta lil Mellieha SC għat-tielet sena konsekuttiva. 

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Fil-futbol u f’kollox fil-ħajja l-affarijiet mhux dejjem jiġu kif tixtieqhom. Attwalment m’aħniex fejn nixriequ li nkunu peró nemmen li jekk nibqgħu naħdmu u nkunu reżiljenti, il-folja se tinbidel dalwaqt. Għandna tim magħqud u kapaċi! 

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

L-aspettattivi għal dawn l-aħħar staġuni kienu ambizzjużi u nemmen li anke fil- futur se jibqgħu l-istess – li l-klabb tal-Mellieħa SC jibda jikkompeti f’kompetizzjonijiet superjuri. 

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Vesko Petrovic?

Il-kowċ Vesko Petrovic huwa fuq kollox ġentlom u kowċ b’viżjoni ċara u rebbiħija. Għandu esperjenza vasta kemm bħala player u anke bħala kowċ, li jitrażżmetiha lilna l-plejers u dan naħseb jistgħu jixhduh ħafna plejers li kienu taħt il-gwida tiegħu. 

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tal-futbol Malti qed jogħla bilmod u hija xi ħaġa pozittiva iżda nemmen li sakemm ma aktar plejers fl-ogħla livelli jkollhom il-possibiltá li jaqilbu professjonali, il-progress se jieħu fit-tul. Irid ikun hemm aktar inċentivi għal min jinvesti fl-isport f’Malta inġenerali. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Ir-riżorsi huma li huma. Ma nistgħux nippretendu li jkollna grawnd ta livell f’kull lokalitá, iżda nemmen li fi grawnds ta’ klabbs li jintlagħbu l-aktar logħbiet għaliex għandhom spazju biżżejjed biex jakkomodaw ċerti logħob, l-investiment għandu jkun akbar. B’hekk plejer li qed jilgħab, uffiċjali, nies involuti fil-futbol u partitarji jħossuhom aktar komdi. Anke għal tfal li jiġu l-grawnd timmotivahom biex jagħmlu l-almu tagħhom biex ikomplu jsegwu karriera fil-futbol. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? 
Inħares lejn il-futur tiegħi ġurnata b’ġurnata. Illum li għandi aktar esperjenza nieħu ċerti deċiżjonijiet b’mod aktar għaqli u nevalwa kollox. Il-motivazzjoni tiegħi huma t-tfal tiegħi li nittrażmettilhom id-dixxiplina li tmur għat-taħriġ kuljum, għandek jew m’ għandekx aptit, biex tilhaq l-għanijiet tiegħek. Tkun fejn tkun trid tibqa’ tagħmel l-almu tiegħek kollu biex tirnexxi u tibqa’ pożittiv. Dejjem għażilt timijiet li kellhom ambizzjonijiet għall-promozzjoni jew rebħ! 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Kunu dixxiplinati, pożittivi u assertivi għat-tragwardi tagħkom! Jekk verament tkun tixtieq xi ħaġa fil-ħajja ibqgħu ppersistu u jirnexxilkom taslu! Aħdmu fis-skiet u ħallu l-wirjiet tagħkom juru x’issarrfu! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport