Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont żgħir. Kont nara lil misieri jilgħab il-futbol, narah jittrenja u minn hemm bdiet il-ħajra lejn il-futbol.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-fatt li lħaqt it-tragward tat-300 partita ufficjali fil-karriera tiegħek f’Novembru li għadda?
Huwa tragward sabiħ ħafna. Huwa ta’ unur għal kull min jilgħab il-football, li tkun tista’ tħares lura u tiftakar minn fejn tkun bdejt u tirrifletti fuq fejn qiegħed illum. Tibda tiftakar f’memorji sbieħ li tkun għaddejt minnhom li tibqa’ tgħożżom tul ħajtek kollha.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Xewkija Tigers FC.
Ninsab kuntent ma’ Xewkija Tigers FC. Qegħdin grupp ta’ plejers kollha naħdmu għal għan wieħed biex inpoġġu lix-Xewkija fejn jixirqilha.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
L-andament jinsab tajjeb. Kullħadd jimxi mal-istruzjonijiet li jtuna l-kowċis u l-kumitat.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
It-tragward hu ċar: li niġġieldu għal kull unur li qegħdin nikkompetu għalih u nkomplu nissaħħu bħala tim.
X’tikkummenta fuq il-kowċis, Jesmond Zammit u Vince Carbonaro?
Għalija iktar minn kowċis qishom it-tieni missier; dejjem jippuxjawna u jgħallmuna affarijiet biex intejbu l-livell tagħna kollha.
Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent?
Fil-fehma tiegħi l-livell għola ħafna. Hawn numru ta’ kowċis tajbin u plejers barranin ta’ livell. Kulħadd, dejjem, ikun ippreparat tajjeb għal kull partita.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Ifhem, fejn jidħlu riżorsi, kull klabb jipprova jkun professjonali kemm jista’, bil-limiti tiegħu. Bħala grawnds, il-fatt li mhux kull klabb għandu fejn jittrenja full pitch hija problema, imma bħala faċilitajiet, il-klabb tax-Xewkija kważi għandu minn kollox.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jien baqali kuntratt ta’ sena. Sakemm ma jkollokx xi injury serja, nixtieq nibqa’ nilgħab kemm nista’. Il-futbol ġie parti minn ħajti u ma nimmaġinax ħajti mingħajr il-futbol. Apparti minn hekk, nistrieħ wara ġurnata xogħol immur għat-taħriġ biex nipprepara għal-logħob li jkun imiss.

