Thursday, February 13, 2025

It-tragwardi tagħna bħala Mosta FC huma dejjem l-istess – li nimmiraw li nitilgħu kemm jista’ jkun ʼil fuq fil-klassifika – Joseph Grech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont tifel, nilagħabu l-ballun fit-toroq, l-iskola, il-MUSEUM u f’kull rokna li konna nsibu. Fil-btieħi tal-iskola u l-Mużew konna nilagħabu qabel jibdew il-lezzjonijiet, fil-break u xi drabi anke wara li jispiċċaw. Fit-toroq ma kienx hawn ħafna karozzi u dan kien jippermettielna nilagħabu faċilment. Il-lasta kienet tkun xi bieb ta’ garaxx jew bejn xi rota ta’ karozza u l-bankina. Ma kinux jeżistu regoli, min jiskorja l-iktar jirbaħ. Fi tmiem –il ġimgħa konna mmorru dik li konna nsejħula “l-għalqa tal-ballun” fejn hemm konna nsibu wesgħa li nimmarkawha bħala grawnd u nilagħbu kontra timijiet ffurmati minn tfal ġejjin minn żoni differenti tar-raħal. Konna nilagħbu għal sigħat sħaħ kuljum u hemm naħseb nibtet l-imħabba tiegħi lejn il-futbol.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ ta’ Mosta FC.

Issa din hija r-raba’ sena għalija bħala kowċ, barra li għamilt sena u nofs bħala assistent ta’ Mark Miller. Ma’ Mosta nħossni parti minn familja fejn taħdem bi trankwilità, serenità u tingħata apprezzament għall-isforzi li tkun qed tagħmel. Imdawwar b’nies bħal Adrian, Michael, Owen u Tyrone li dejjem ikunu magħna u dak li nitolbu ikunu pronti jippruvaw jaqduna fih minn dak li jistgħu.

Naħdmu ħafna man-nursurey tagħna li hija waħda organizzata u jaħdmu ħafna mat-tfal biex ikunu lesti jagħmlu l-pass li jmiss. Il-premju ghalihom ikun meta jaraw xi tifel prodott tagħhom jiddebutta mal-kbar. Bħalissa għadna tliet players li jilagħbu regolarment mat-tim tal-kbar – Jake,Nathan u Gianluca, u oħrajn li diġa għamlu d-debutt bħal Bradley,Mark u Aiden. F’din l-atmosfera, l-esperjenza hija bla dubju waħda pożittiva.

Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċis Mario Muscat u Matthew Psaila?

Ma’ Mario Muscat issa ilna erba’ snin naħdmu flimkien u fl-opinjoni tiegħi mill-ewwel ġurnata li ltqajna u tkellimna konna qbilna fuq ħafna affarijiet dwar kif inħarsu lejn il-futbol. Il-filosofija tagħna hi l-istess.

Naqsmu ħafna l-esperjenzi tagħna. Mario għandu esperjenza vasta bħala plejer (u dik tgħinu ħafna fil-kowċing). Jien issa ili kważi għoxrin  sena nikkowċja. Flimkien noħorġu l-aħjar tagħna it-tnejn. Dan l-istaġun ingħaqad magħna Matthew Psaila, li żgur kien ‘asset’ għall-istaff tekniku. Hu bniedem dedikat u bravu fix-xogħol tiegħu. Naħdmu tajjeb ħafna flimkien u xhieda ta’ dan huma r-riżulati li ġibna.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Naħseb li s’issa kellna andament tajjeb ħafna, kemm bħala prestazzjonijiet, stil ta’ logħob u, l-aktar importanti, ir-riżultati. Kellna bidu diżappuntanti ħafna għax wara tliet logħbiet konna għadna mingħajr punt, imma kif ġew il-kumplament tal-plejers barranin il-wirjiet tat-tim tjiebu ħafna u bdew jiġu r-riziltati. Spiċċajna mal-ewwel sitta fuq mertu tagħna b’wirjiet konvinċenti u b’serje ta’ riżultati tajbin ħafna għall-klassifika.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragwardi tagħna bħala Mosta FC huma dejjem l-istess – li nimmiraw li nitilgħu kemm jista’ jkun ʼil fuq fil-klassifika. Mhux se tkun faċli li nerġgħu nagħmluha mal-ewwel sitta, imma dak se jkun tragward importanti għalina. Timijiet kompetituri tagħna ssaħħu f’dan iż-żmien ta’ trasferimenti u għalhekk se tkun diffiċli f’kampjonat li qed jiżvolġi f’wieħed missielet.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Fiżikament il-livell naħseb li ssaħħaħ ftit minħabba li żdiedu l-plejers barranin u l-logħba ġiet iktar movimentata u iktar aggressiva. Tattikament b’kowċis bravi Maltin u barranin il-livell tal-logħba għola. Qed naraw logħbiet studjati u preparati ħafna mill-staff tekniku li kulma jmur dejjem qed jikber. Min-naha l-oħra, il-kwalità tal-plejers individwali naqas, kemm Maltin u anke barranin.

M’għadniex intellgħu players bħall-Bużu, Raymond Vella, John Buttigieg, Joe Brincat u ħafna oħrajn. Hemm diversi raġunijiet li jispjegaw dan, fosthom li nqata’ il-futbol tat-triq u naqas is-sens ta’ sagrificcju li wieħed irid ikollu biex jilħaq hemm. Rigward il-barranin, m’għadniex nattiraw plejers ta’ kwalità bħalma kienu jiġu qabel u għalhekk il-livell naqas.

Mit-tmeninijiet, kemm ilni nsegwi l-futbol mill-qrib, il-logħba evolviet minn waħda kajmana għal waħda iktar movimentata. Fis-snin tmenin u disgħin, kien hawn ħafna plejers ta’ kwalità u kont tara ħafna logħob individwali. Il-plejers ta’ dak iż-żmien kienu tekniċi ħafna. Maż-żmien, il-logħba saret waħda aktar movimentata u fiżika u llum il-ġurnata t-timijiet jaħdmu iktar fuq il-kollettiv.

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi (il-grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Naħseb il-Mosta għandna nkunu ferm kuntenti bil-faċilitajiet li għandna. Iva, nemmen li jista’ jkun hemm lok għal iktar titjib, bħall-manutenzjoni aħjar tal-grawnd prinċipali. Dan minħabba li ta’ kuljum fil-grawnd ikun hemm ħafna sessjonijiet ta’ taħriġ u logħob kompetittiv u anke manutenzjoni inġenerali.

Rigward il-grawnds li nużaw għal-loghob kompetittiv, dawn huma li huma. Għandek il-grawnd nazzjonali ta’ Ta’ Qali li hu grawnd ‘kiesaħ’ maqtugħ min nies u saħansitra anke il-post allokat għat-tim tekniku u għall-kumplament tal-plejers hu maqtugħ mill-pitch. Biex tagħmel il-warming up qabel il-logħba trid tmur mixja ta’ ħames minuti kull darba.

Il-grawnd Ċentinarju hu kundizzjonat mill-qawwa tar-riħ. Meta jonfoħ sew ma tilgħabx futbol.

Għalija Tony Bezzina huwa l-favorit. Hu grawnd żgħir man-nies u l-atmosfera li jkun hemm tħossha. Li jistgħu jitranġaw huma d-dressing rooms għax huma żgħar wisq.

Il-pitches tat-tliet grawnds li semmejna huma miżmumin sew u joffrulna l-aħjar kundizzjonijiet biex nilagħbu.

Kif tara l-futur tiegħek fil-futbol?

Fl-aħħar ta’ dan l-istaġun jispiċċali l-kuntratt ma’ Mosta u wieħed irid jara x’inhu l-aħjar, kemm għalija u kemm għat-tim tal-Mosta. Ninsab għal qalbi ħafna mal-Mosta, naf sew l-ambjent, fejn naħseb li ħdimna tajjeb tul dawn l-erba’ snin li għaddew. Il-futur tiegħi huwa li nibqa’ nikkowċja kemm jista’ jkun fl-ogħla livell tal-futbol Malti u nħares ʼl quddiem għal iktar esperjenzi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol, kif ukoll ieħor lill-partitarji kollha ta’ Mosta FC.

Jekk għandek ħolma, kemm jekk int tifel li toħlom li se ssir plejer tajjeb, u kemm li ssir kowċ b’ħafna suċċessi, tħalli lil ħadd iċaħdek milli tipprova twettaq il-ħolma tiegħek. Iva, trid ħafna dedikazzjoni u sagrifiċċju imma jekk int determinat li tilħaq il-miri tiegħek, imxi pass pass u tirnexxi. 

Lill-partitarji tal-Mosta nappellalhom biex ikunu iktar numerużi u jattendu iktar bi ħġarhom għall-partiti biex ikunu it-12-il plejer għax il-Mosta hija belt kbira u jixirqilha aħjar!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport