Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
L-imħabba tiegħi għall-waterpolo bdiet meta ommi u missieri bdew iniżżluni l-Pixxina tas-Sirens biex ngħum u nara lil ħija jittrenja … minn hemm imxejt fuq il-passi ta’ ħija u bdejt nittrenja jien ukoll.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim tal-waterpolo ta’ Marsaxlokk ASC, fejn int ukoll il-captain tat-tim.
L-esperjenza tiegħi ma’ Marsaxlokk ASC hija waħda ferm sabiħa fejn plejers żgħażagħ bħali ningħataw l-opportunitá li nilagħbu b’mod regolari fil-kampjonat tal-kbar u ma’ plejers barannin ta’ livell għoli bħal Nikola Bogdanovic. Apparti hekk, dan it-tim ilu jinbena erba’ snin u wara ħafna sagrifiċċji Marsaxlokk reġa’ sar tim kompetittiv fl-Ewwel Diviżjoni. Din hi t-tieni sena li ngħatajt ir-rwol ta’ captain mill-kowċ Sasa Misic. Ninsab f’pożizzjoni tajba fejn il-kowċis (Sasa Misic u Aleksander Ciric) u plejers barranin (Nikola Bogdanovic) jgħallmuni t tattiċi u l-affarijiet fundamentali tal-waterpolo fejn nista’ naqsam ukoll ma’ sħabi l-plejers (teammates) li huma ta’ etá iżgħar.
X’tikkuemmnta fuq l-andament ta’ Marsaxlokk ASC sa issa matul il-Kampjonat tas-Sajf li jinsab għaddej ġmielu, u x’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan il-Kampjonat?
L-għan tagħna huwa biex intejbu lilna nfusna kull logħba bl-istruzzjonijiet li jagħtina l-Kowċ Sasa Misic, u b’hekk ir-riżultati pożittivi jiġu waħedhom. It-tragwardi tagħna jibqgħu l-istess bħal kull sena … li nirbħu l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni u n-Knock-out.
X’tikkummenta fuq il-Kumitat ta’ Marsaxlokk ASC immexxi mill-president ħabrieki, Victor Fenech?
Il-Kumitat ta’ Marsaxlokk ASC huwa mmexxi ferm tajjeb fejn bil-kollaborazzjoni li għamlu ma’ Neptunes WPSC, bis-saħħa ta intermedjarji bħal Rainer Scerri dejjem iġibu plejers u kowċis barranin ta’ livell għoli. Ma nistax ninsa wkoll nies importanti fir-rigward tal-iskwadra bħat-team manager Darrell Borg li jżomm it-tim magħqud u organizzat.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?
Fl-opinjoni tiegħi, il-livell tal-waterpolo f’Malta huwa fost l-aqwa fid-dinja għaliex avvenimenti bħall- Kampjonat tas-Sajf bil-plejers barranin, il-Final 4 taċ-Champions League u logħbiet tat-tim nazzjonali Malti fuq livell Ewropew u globali iħallu lill-plejers Maltin b’tagħlim u progress kostanti. Bir-riżultati riċenti tat-timijiet kemm lokali u anke nazzjonali, inqis il-waterpolo bħala l-isport nazzjonali ta’ Malta.
U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Il-Gvern jagħraf bis-sħiħ ir-riżultati li jġib l-isport akwatiku f’pajjiżna, u fejn qabel kull klabb kien jiġġieled għal siegħa taħriġ fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq, ġejna f’punt li l-maġġoranza tal-klabbs Maltin għandhom il-pixxina tagħhom. Bil-mezz ta’ iktar spazju, ħin u riżorsi tajbin, il-klabbs qed jittrenjaw darbrtejn / tliet darbiet kuljum li qed itejjeb l-isport akwatiku lokali, ħolistikament.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Grat ħafna li Neptunes offrewli kuntratt ġdid, bl-għarfien tad-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji kbar li nagħmel. Nixtieq nifforma parti mit-tim tan-Neptunes u nagħti lura dak kollu li tawni n-nies involuti fil-klabb f’dawn l-aħħar ħames snin u iktar ‘il quddiem għandi l-ambizzjoni li nieħu l-istudji tiegħi barra minn Malta kif ukoll nilgħab ma’ tim professjonali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-waterpolo.
L-ewwel nett, mur għalih! Il-waterpolo jista’ jidher kemmxejn intimidanti fil-bidu għax hu sport fiżikament intens u veloċi ħafna, imma proprju għalhekk hu sodisfaċenti. M’hemmx bżonn tkun perfett mill-ewwel ġurnata. Li turi impenn, tkun lest/a titgħallem, u tibqa’ tattendi b’konsistenza jagħmel differenza kbira. Il-bidu jaf ikun iebes, imma l-ambjent tat-tim jgħin ħafna kulħadd jgħaddi minn dak l-istadju. Ibqa’ paċenzjuż/a, ipprattika, u tara kemm titjieb malajr. Hu wieħed minn dawk l-isports li jimbuttak sal-limiti tiegħek u jibni l-karattru, kemm ġewwa l-pixxina kif ukoll barra minnha!