Wednesday, October 29, 2025

It-trasferiment ta’ ħaddiema mill-Energy and Water Agency (EWA) għal mal-Climate Action Authority (CAA)

Il-GWU tkompli tappella għal trasparenza u trattament aħjar għall-ħaddiema nvoluti

Aqra wkoll

It-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi fi ħdan il-GWU tinforma li bħalissa għadha ssegwi b’attenzjoni sħiħa l-proċess ta’ redeployment ta’ grupp ta’ ħaddiema membri mill-Energy and Water Agency (EWA) għal mal-Climate Action Authority (CAA). Il-GWU ma tistax taqbel mal-mod kif qed jitmexxa dan il-proċess, fosthom minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni ċara li qed jingħataw il-ħaddiema kollha involuti li qed twassal għal inċertezza u tensjoni żejda fosthom.

Fil-fatt riċentament il-GWU mhux biss ġibdet l-attenzjoni tal-EWA imma nfurmat u talbet ukoll lid-DIER jinvestiga immedjatament dan ir-redeployment tal-ħaddiema membri tal-GWU u anke ddikjarat tilwima industrijali. Il-GWU ħadet sehem ukoll f’laqgħat li saru u talbet għall-informazzjoni, iżda s’issa ma ħalla l-ebda frott u lanqas ġiet mogħtija l-informazzjoni mistennija.

Mill-investigazzjoni li għamet il-GWU jirriżulta li dawn il-ħaddiema se jintlaqtu b’mod negattiv ħafna b’dan iċ-ċaqliq, sew fejn jidħol dħul, take home pay u kundizzjonijiet tax-xogħol, liema membri jibbenefikaw minnhom permezz tal-Ftehim Kollettiv li l-GWU kienet għamlet mal-EWA. Għall-GWU dan huwa inaċċettabbli u temmen li jekk tassew għandu jsir dan iċ-ċaqliq m’għandux jolqot b’mod negattiv lill-membri tagħha. Dan kollu jista’ jiġi kkonfermat u sostnut wara li l-ħaddiema ngħataw il-kuntratt tax-xogħol il-ġdid tagħhom fejn l-effetti huma negattivi fuq il-kundizzjonijiet tagħhom.

Għaldaqstant minkejja l-pressjoni li qed issir lill-ħadiema biex jiffirmaw dawn il-kuntratti anke jekk it-tagħrif li ngħataw iħalli bosta dubji, il-GWU għarrfet lill-ħaddiema membri nvoluti biex ma jiffirmaw l-ebda kuntratt ta’ trasferiment sakemm ma jkunx hemm is-serħan il-moħħ li dan iċ-ċaqliq mhux se jirriżulta f’inqas dħul u kwalità ta’ ħajja inferjuri għal dawn il-membri. Il- GWU hija wkoll ferm diżappuntata għan-nuqqas ta’ informzzjoni li qed tingħata dwar dan il-proċess, fosthom fejn korrispondenza tagħha ma tiġix imwieġba u wkoll għall-ineżattezi li qed jintqalu fejn minn banda l-ħaddiema qed jiġu ppressati mis-superjuri tagħhom biex jiffirmaw, waqt li l-EWA qed tgħid li għalkemm beda l-proċess għadhom ma jafux meta dan se jsir u li jaf jieħu ż-żmien. Dan anke meta l-membri ngħataw il-kuntratti l-ġodda tax-xogħol mis-CAA.

Għaldaqstan din it-Taqsima qed titlob lil dawk kollha konċernati biex jitrattaw dan il-każ b’urġenza kif xieraq. Il-GWU qed isserraħ ras il-membri nvoluti li se tibqa’ tassistihom filwaqt li tħeġġiġhom jimxu biss mal-linji gwida u l-istruzzjonijiet li tagħtihom hi. Il-GWU qed tirriserva wkoll id-dritt li tieħu l-aħjar passi biex tħares lill-ħaddiema membri tagħha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport