Saturday, December 21, 2024

“It-trejdunjins għad għandhom rwol ċentrali fit-tiswir tad-deċiżjonijiet biex jindirizzaw l-anomaliji”

– Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja

Aqra wkoll

“Ejjew neliminaw l-inġustizzji u l-isfruttament fuq il-postijiet tax-xogħol,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja dwar id-deċiżjoni ta’ sħubija awtomatika fi trejdunjin imħabbra mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.

“Il-GWU ilha ssejjaħ għal sħubija awtomatika fit-trejdunjins mill-Kungress Nazzjonali li għamlet fl-2017 u aktar tard, fid-dokument tagħha ta’ qabel il-Baġit. Ippreżentajna riċerka u studji lill-imsieħba soċjali kollha u lill-Kunsill Malti għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Permezz ta’ sħubija fi trejdunjin, il-ħaddiema jibbenefikaw minn pagi u benefiċċji aħjar, sigurtà tax-xogħol, sigurtà fuq ix-xogħol u ħinijiet aħjar, biex jieħdu aktar ħsieb tagħhom infushom u tal-familji tagħhom. Malta se tkun qed tissodisfa wkoll parti mid-direttiva tal-Paga Minima Adekwata, li tgħid li 80% tal-ħaddiema jridu jkunu koperti minn negozjar kollettiv.

“Dan il-pass juri kemm it-trejdunjins qed ikomplu jkollhom rwol importanti fis-soċjetajiet tal-lum, biex joffru tarka kontra l-prattiċi bla skrupli li jħammġu d-dinja tax-xogħol, u minflok jelevaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd. Hija soluzzjoni prattika, forma ta’ superviżjoni li tagħti s-setgħa lill-individwi biex jindirizzaw kollettivament l-inġustizzji fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan huwa pass proattiv, speċjalment għall-ħaddiema żgħażagħ u l-professjonisti li jidħlu fid-dinja tax-xogħol,” temm jgħid Bugeja.

Ekonomija

Sport