Ħafna mid-drittijiet li jgawdu minnhom il-ħaddiema llum il-ġurnata u li nkisbu tul is-snin, huma dovuti għall-ġlieda li dejjem għamlu t-trejdunjins biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u allura tal-għajxien tal-ħaddiema. Dan huwa prova li t-trejdunjins altru milli huma rilevanti. Fost id-drittijiet li l-ħaddiema jgawdu minnhom hemm il-ġimgħa ta’ ħamest ijiem xogħol, ħlas għall-mard u mhux l-inqas it-tħaris tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-lant tax-xogħol.
Illum f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja huma ffaċċjati minn kriżijiet differenti bħalma huma l-għoli tal-ħajja u li l-korporazzjonijiet il-kbar speċjalment dawk multi-nazzjonali jaraw biss il-profitt u jiskartaw il-benesseri tal-ħaddiema inġenerali.
F’Malta, fortunatament m’għandniex din is-sitwazzjoni, għalkemm hemm realtajiet oħra li qed ibiddlu d-dinja tax-xogħol anke f’pajjiżna b’pass mgħaġġel ħafna. Fosthom it-teknoloġija u anke l-aspirazzjonijiet li dejjem jinbidlu tal-familji tal-ħaddiema. Fl-aħħar snin rajna wkoll żviluppi oħra fejn jidħlu kundizzjonijiet ġodda għall-ħaddiema u spinta fil-qafas legali, bħall-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa jiġu miżjuda mal-leave u anke ż-żieda fil-paga minima.
Il-General Workers’ Union, f’dan il-kuntest, bħala l-akbar trejdunjin f’pajjiżna sa mit-twelid tagħha, ma kinitx protagonista biss fejn jidħol it-tijtib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol imma wkoll kellha sehem qawwi fl-iżvilupp soċjali, ekonomiku u politiku ta’ pajjiżna bħalma kienu l-ġlieda kontra s-sensji fl-1958 li wasslet għall-indipendenza mill-ħakma Ingliża, u kif ukoll il-kisba tal-Ħelsien fl-1979.
Kieku ma kienx għat-trejdunjins f’Malta, il-ħaddiem mhux igawdi mill-benefiċċji li għandu llum. Barra minn hekk, dawn it-trejdunjins jieħdu sehem f’fora oħra nazzjonali bħalma huma l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) fejn hemmhekk flimkien mas-settur ta’ min iħaddem u l-Gvern ifasslu l-ġejjieni ekonomiku u soċjali tal-pajjiż.
Għandna biex inkunu kburin ukoll li bħala poplu, it-trejdnunjins Maltin qed jagħtu sehemhom ukoll fil-qasam internazzjonali u Ewropew bħalma huma l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) u l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO).
Dan minnu nnifsu huwa turija ta’ kemm ix-xogħol tal-unjins huwa siewi u apprezzat, u fuq kollox kemm dawn qed jingħataw l-ispazju li għandhom bżonn biex jaħdmu.