Friday, November 15, 2024

IT-TREJDUNJONIŻMU U D-DINJA TAX-XOGĦOL FOST IŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Aqra wkoll

Hekk kif fil-bidu ta’ dan ix-xahar iċċelebrajna l-festa ta’ Jum il-Ħaddiem, jekk inħarsu lejn faċċata oħra ta’ dan il-jum u naħsbu ftit fiż-żgħażagħ tagħna u d-dinja tax-xogħol, naraw dinja li hija totalment differenti mill-bank tal-iskola u totalment differenti mid-dinja tax-xogħol ta’ qabel hekk kif l-iżviluppi qed ikunu aktar mgħaġġla. Dinja tax-xogħol li dejjem tinbidel u ma tieqaf qatt.

Sfortunatament, globalment niltaqgħu ma’ diversi tipi ta’ impjiegi, dawk stabbli u mħallsa sew però hemm ukoll dawk prekarji, informali u jeżistu l-inugwaljanzi… dawn huma wħud mill-isfidi li ż-żgħażagħ tagħna jridu jiffaċċjaw hekk kif jirfsu l-għatba tad-dinja tax-xogħol. Il-gwerer u l-kunflitti, l-avvenimenti estremi li qed jipproduċu miljuni ta’ refuġjati u persuni maħruba minn pajjiżhom kif ukoll tixrid bla waqfien ta’ razziżmu, ksenofobija, misoġinija u omofobija, huma realtajiet li għaddejjin minnhom.

Illum il-ġurnata grazzi għall-assoċjazzjonijiet trejdunjonistiċi taż-żgħażagħ issir ħidma kontinwa fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa biex tifrex aktar l-għarfien tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u għarfien trejdunjonistiku.

Dawn l-assoċjazzjonijiet huma impenjati li jaħdmu flimkien mal-ħaddiema żgħażagħ għal xogħol deċenti ta’ kwalità għolja, postijiet tax-xogħol ħielsa minn diskriminazzjoni u vjolenza, ugwaljanza ta’ opportunitajiet, pagi ġusti, u sistemi ta’ protezzjoni soċjali sensittivi għall-ġeneru taż-żgħażagħ.

Permezz ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet trejdunjonistiċi, żgħażagħ ta’ kull ġeneru, livell ta’ edukazzjoni u minn kull settur tax-xogħol jipparteċipaw f’attivitajiet li jiġu organizzati speċifikament għalihom fejn matulhom jingħataw tagħrif fuq id-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol, kif ukoll informazzjoni u għajnuna biex jingħataw it-taħriġ meħtieġ ħalli jibqgħu jaġġornaw il-ħiliet tagħhom fuq il-post tax-xogħol.

Dawn iwasslu biex dawn il-parteċipanti żgħar tas-soċjetà ikunu iżjed kunfidenti u jtejbu s-self-esteem tagħhom permezz tal-integrazzjoni soċjali, kif ukoll jingħataw spazju biex dawn iż-żgħażagħ ipoġġu l-ideat u l-proposti tagħhom fuq livell Nazzjonali. B’hekk ikunu qed ifasslu d-dinja tax-xogħol tagħhom skont il-ħtiġijiet tagħhom.

Bis-sehem taż-żgħażagħ fl-assoċjazzjonijiet trejdunjonistiċi, it-trejdunjins jibqgħu sodi fit-talbiet tagħhom għal sistema ekonomika li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali tagħhom, tipproteġi l-pjaneta tagħna u tipprovdilhom l-affarijiet bażiċi biex jgħixu fid-diċenza u d-dinjità.

It-trejdunjins jaħsbulhom għall-futur fejn il-valuri tal-paċi, id-demokrazija, is-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali huma realtà. Il-ħaddiema żgħażagħ flimkien mal-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ fit-trejdunjins flimkien jużaw is-saħħa kollettiva tagħhom biex isawru l-futur tax-xogħol li jiggarantixxi impjiegi deċenti ta’ kwalità għaż-żgħażagħ, kullimkien.

Ekonomija

Sport