Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-Triathlon, fosthom l-Ironman?
L-imħabba tiegħi lejn it-triathlon bdiet fl-2020, fi żmien il-COVID hawn Malta. Qabel, kont plejer ta’ l-‘Squash’ kompetittiv għal 13-il sena. Imma meta l-‘courts’ għalqu minħabba r-restrizzjonijiet, bdejt niġri u nsuq ir-rota biex nibqa’ attiv. Dak iż-żmien, ibni kien ingħaqad ma’ klabb tat-triathlon, u bdejt nattendi xi sessjonijiet tal-għawm miegħu. Ma domtx ma bdejt nitħarreġ fit-tliet dixxiplini, u bdejt nissieħeb f’tlielaq lokali, kemm tiġrijiet, triathlons kif ukoll swimruns. Minn hemm, ġietni l-passjoni għal dan l-isport.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek s’issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Inħobb niffaċċja sfidi differenti, speċjalment tlielaq fit-tul. Ħadt sehem fit-tiġrija Xterra Ultra Trail madwar Għawdex għal tliet snin konsekuttivi. Is-sena li għaddiet, mort Sqallija ma’ żewġ ħbieb u qsamna Sqallija bir-rota minn Trapani sa Katanja f’tlett ijiem.
F’dak li għandu x’jaqsam mat-triathlon, s’issa għamilt żewġ Half Ironmans, Ironman sħiħ, u reċentement, Double Ironman Continuous, li jinkludi 7.6 km għawm, 360 km rota u 84.8 km girja. Dan sar f’Colmar, Franza f’Ġunju tal-2024, u kelli ħin ta’ 26 siegħa u 18-il minuta, u spiċċajt fir-raba’ post minn 22 parteċipant.
Nixtieq insemmi wkoll li jien l-ewwel atleta Ghawdxi li għamilt id-Double Ironman, u ksibt it-tieni l-aħjar ħin mill-Maltin. Erba’ atleti Maltin biss sa issa għamlu d-Double Ironman, inkluż jien!
Kif tqis il-livell tat-triathlon f’pajjiżna fil-preżent?
Għalkemm it-triathlon għadu sport relattivament żgħir f’Malta, il-livell ta’ atleti lokali huwa tassew għoli. Qed naraw dejjem aktar atleti Maltin jieħdu sehem f’sfidi estremi, b’mod speċjali f’distanzi ultra. Din is-sena, diversi atleti Maltin mistennija jippruvaw jagħmlu Double Ironman. Il-kowċ tiegħi, Fabio Spiteri, reċentement temm Deca Ironman, l-ekwivalenti ta’ 10 Ironmans sħaħ u kiseb podium ghal Malta.
Anke fost iż-żgħażagħ, hemm potenzjal kbir, b’uħud minnhom jikkompetu barra minn Malta u saħansitra jilħqu podiums f’kampjonati nazzjonali.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u fejn isiru l-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
It-taħriġ isir kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta. Għall-għawm nużaw kemm il-baħar kif ukoll il-pixxini. Fortunatament issa għandna pixxina ġewwa f’Għawdex grazzi lill-Ministeru għal Għawdex, li ħaffitilna ħafna biex nitħarrġu mingħajr ma jkollna mmorru lejn Malta.
Kultant immorru wkoll għal training camps barra minn Malta għal 4 sa 5 ijiem. Għandna kompetizzjonijiet lokali, imma ħafna drabi nitħarrġu bil-għan li nikkompetu barra. Meta tikkompeti barra, tiltaqa’ ma’ nies ġodda, tara postijiet ġodda u ssib ruħek f’ambjent ta’ livell għoli b’eluf ta’ parteċipanti.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-Triathlon?
Fl-aħħar sena biddilt ix-xogħol u ddedikajt iktar ħin lill-familja u l-karriera, għaldaqstant it-taħriġ naqas xi ftit. Madankollu, issa qed nissetilja u qed insib iktar ħin biex nerġa’ nidħol fit-taħriġ. Irreġistrajt għal Half Ironman f’Novembru ġewwa t-Turkija, fejn nixtieq nipprova nkisser il-personal best tiegħi.
Wara, qed naħseb li nirreġistra għal sfida oħra ultra, forsi extreme triathlon jew Triple Ironman. Fit-tul, nixtieq inkun ta’ appoġġ lil dawk li qed jibdew u nħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jidħlu f’dan l-isport sabiħ.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika t-Triathlon.
Il-messaġġ tiegħi hu ċar, qatt ma trid taqta qalbek. Il-motto tal-Ironman jgħid: “Anything is Possible”, u jien nemmen dan bis-serjetà. Kulħadd jibda minn ximkien. Pass pass, tibni ruħek. It-triathlon hu għal kulħadd, kulħadd jista’ jgħum, isuq u jiġri. Mhux biss sport iebes mentalment u fiżikament, imma hu wkoll gost u jġibek f’forma kbira!